Wara r-ritratt li wera l-mewt xokkanti ta’ persuna fuq dinghy bejn sema u ilma, Frontex ħarġet filmat dwar l-operazzjoni ta’ salvataġġ tant siewja mill-Forzi Armati ta’ Malta.
Il-filmat jispjega kif ajruplan tal-aġenzija għall-fruntiera Ewropea u tal-ħarsien tal-kosta lemaħ dinghy b’persuni fuqu.
Hawnhekk il-Frontex infurmat lill-awtoritajiet Maltin dwar dan li mill-ewwel bagħtet ħelikopter biex twettaq operazzjoni li ssalva l-ħajjiet.
Fil-filmat imxandar jidhru żewġ uffiċjali jinżlu l-baħar mill-ħelikopter u jersqu lejn id-dinghy fejn sfortunatament instab persuna bla ħajja u ieħor f’kundizzjoni kritika li imbagħad ittella’ u nġab f’Malta għall-aktar kura.
Bħalissa teżisti kriżi umanitarja kbira fil-Mediterran, b’aktar minn ħames mitt persuna jinsabu fil-limbu bejn sema u ilma.
Filfatt l-aġenzija għar-refuġjati fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda qalet li ħames mija u sebgħa immigrant qed jitolbu li jidħlu f’portijiet kennija.
B’rabta max-xogħol importanti tal-Armata Maltija, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal li l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ huwa x-xogħol li jagħmlu ta’ kuljum il-Forzi Armati ta’ Malta, iżda tenna li dan ma nistgħux nibqgħu nagħmluh waħidna bħala pajjiż.
Min-naħa tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia appella lil Gvern biex idaħħal lil persuni li bħalissa hemm fuq il-bastimenti ta’ salvataġġ.
Qal li Malta għandha tmexxi bl-eżempju.
http://www.one.com.mt/2019/08/13/ritratt-xhieda-ta-mewt-kiefra-ta-ragel-bejn-sema-u-ilma/