L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi nkludiet numru ta’ speċi ġodda fil-lista ta’ speċi protetti.
Dan seħħ speċjalment wara tibdil fil-liġi tal-Protezzjoni tal-Ambjent.
One News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Era Louise Spiteri dwar uħud mill-ispeċi l-aktar notevoli li issa huma protetti.
Fost oħrajn hija semmiet id-Dubbiena t’Għawdex.
“Pereżempju sibna dik li qed ngħidula l-Orkidea speċjali t’Għawdex li qed jgħidulha d-dubbiena t’Għawdex għaliex is-shape tagħha propjament qisha dubbiena. Hemm ukoll il-protezzjoni fuq ċerti friefet li qed naraw li jista’ jkun jiġu estinti jekk ma jingħatawx tali protezzjoni.”, qalet Spiteri.
Intant speċi differenti ta’ qroll issa ukoll jagħmlu parti mil-lista ta’ speċi protetti.
Fosthom hemm dak li jissejjaħ bħala Sawt il-baħar, il-Qroll oranġjo tal-Fond, il-Madripora tal-Għajn u l-Qroll il-Glabru.
Spiteri spjegat l-importanza ta’ din il-lista u kif tgħin sabiex dawn l-ispeċi jinżammu priżervati.
“Once li daħlu fil-liġi l-Awtoritá ħa jkollha iktar kontroll biex tkun taf x’qed isir minnhom dawn l-ispeċi, is-siti naturali u ovjament kontinwament timmoniterja dak li jkun qed isir.”
L-inklużjoni ta’ dawn l-ispeċi saret wara tibdil fil-qafas regolatorju għall-Protezzjoni tal-Ambjent bil-għan li jiffaċilità x-xogħol tal-Awtorità.
L-emendi fost oħrajn jagħtu l-poter lill-Awtorità sabiex tidentifika siti u speċi li għandhom jiġu protetti filwaqt li tipprovdilha mezzi ġodda sabiex tkun tista’ mhux biss toħnoq iżda anki telimina speċi invażivi bħal bumunqar aħmar.
Ritratt: Stephen Mifsud