Ir-Rotunda tal-Mosta tafaxxina lill-eluf li jżuruha.
Fosthom lil Felix Buhagiar, li għalkemm mhux Mosti għadda l-aħħar xhur jaħdem fuq mudell ta’ din il-knisja.
Mudell li juri kif Buhagiar fela kull dettall biex seta’ jimplimentah fil-mudell li issa sab postu armat fil-ħin għall-festa ta’ Santa Marija. Meta ltqajna miegħu spjegalna kif il-mudell hu magħmul minn sitta u għoxrin biċċa tal-ġebel inħadmet kollha bl-idejn.
Buhagiar ilu jaħdem xogħol bil-ġebel għal dawn l-aħħar erba’ snin u mmħeġġeġ minn dawk ta’ madwaru ma waqafx jirfina bil-għan li jagħmel ġieh lil dik li llum tissejjaħ bażilika.
Fid-dar flimkien ma’ Buhagiar iltqajna ma’ Mikael, tfajjel li fi tmiem il-ġimgħa jew matul il-vaganzi jkun qed itih daqqa t’id.
Biex l-imħabba għal dak li hu Malti, f’dan il-każ il-kultura, it-tradizzjoni u anke l-ġebla Maltija, jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra.