Żewġ festivals mużikali kbar li se jsiru fil-ġimgħa ta’ Santa Marija se jkunu qed jiġbdu wkoll eluf ta’ turisti.
Huwa stmat li madwar nofs l-udjenza li se tattendi għalihom hi ta’ nazzjonalità barranija biex il-mużika tibqa’ tattira lejn Malta ammonti kbar ta’ żgħażagħ.
Iċ-chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Gavin Gulia, tkellem ma’ kif dan hu suq li Malta daħlet fih b’saħħa kbira.
U ma setax jonqos li meta l-btajjel ikunu fl-aqwa tagħhom pajjiżna joffri prodott ta’ kwalità.
Iċ-Chairman tal-Awtorità għat-Turiżmu, Gavin Gulia qalilna: “Għandek żewġ events – Is-Summer Daze u Glitch, jaħbtu fl-stess ġranet. Sors ta’ divertiment għal familji u żgħażagħ. Hu hemm respons tajjeb”.
Glitch, li mistenni jiġbed lejh sebat elef ruħ se jsir f’lejliet u f’Jum Santa Marija. 3,500 ruħ minnhom ġejjin saħansitra minn kontinenti differenti. Għax qatgħu l-biljetti għalih, Awstraljani, Russi, Amerikani u naturalment nies minn bosta pajjiżi Ewropej fost oħrajn.
Bl-appoġġ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ġejjin uħud mill-iktar artisti rinomati fl-istil partikolari li se jindaqq.
F’kumpless tal-mużika fir-Rabat, fejn se jsir il-festival, iltqajna ma’ Kevin Ellul, wieħed mill-organizzaturi.
Kevin Ellul, wieħed mill-organizzaturi stqarr li “Ġejjien l-aqwa artisti, mużika tecno, elettronika u house”. Mhux tant bogħod, proprju fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali se jdoqqu f’ Summer Daze hemm David Guetta u James Arthur. L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu hija l-moħħ wara dan il-festival li trid tibqa’ tpoġġi l-Malta fuq il-mappa internazzjonali billi ġġib lejn xtutna l-aqwa ismijiet fix-xena tal-ispettaklu.
Gulia qal ukoll li “L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu investit fil-produzzjoni ta’ events. Events ta’ fama internazzjonali nkabbru l-viżibilità ta’ Malta. Ahna niġġeneraw aktar turisti”.
U f’avvenimenti bħal dawn ma jsegwux biss dawk li ġew Malta. Fil-każ ta’ Glitch mistennija jsegwu wkoll online ħafna nies minn madwar id-dinja.
Ellul temm jgħid: “f’waħda mill-istages boiler room, ħa jkun hemm 11-il artisti qed iddoqqu, il-perfoemance streamed live jarawhom 10 miljuni coverage tajjeb għal Malta”.