One Radio għalaq 28 sena jżomm kumpanija lis-semmiegħa fuq il-frekwenza 92.7.
Dan hekk kif l-ewwel xandira ta’ dan l-istazzjon fuq ir-radju saret fil-11 ta’Awissu, b’kollegamenti mill-festa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun.
B’hekk din hija d-data li baqgħet immarkata bħala l-jum li fih twieled l-iktar stazzjon b’saħħtu fil-Gżejjer Maltin.
.Iżda, biex jibqa’ b’saħħtu l-istazzjon ma jistax jintilef f’nostalġija u fl-eqqel ta’ Awwissu għaddejin it-tħejjijiet għall-iskeda tal-Ħarifa 2019. Tkellimna dwar dan mal-kap ta’ One Radio, Clint Bajada.
“L-akbar investiment huwa ir-riżorsi umani, jiġifieri l-preżentaturi li jagħmlu l-programmi 24 siegħa kuljum. U għal dak li ġej, jiġifieri għall-iskeda tal-ħarifa, One Radio ser ikun qed jinvesti f’żewġ personalitajiet famużi u segwiti ħafna fix-xena rispettivi tagħhom li ser jingħaqdu magħna bħala preżentaturi ġodda tagħna għal din l-iskeda illi ġejja.”
Iċ-Chairman ta’ One Group, Jason Micallef spjega kif One Radio beda wkoll bħala esperiment politiku. Iżda, filwaqt li żamm ħaj l-iskop li twaqqaf għalih, f’dawn it-28 sena evolva f’ħafna talent, esperjenzi u opportunitajiet.
Miż-żerriegħa tar-radju nibdet stazzjon b’saħħtu fit-televiżjoni u b’sehem importanti f’oqsma oħra inkluż online.
Għalhekk l-istazzjonijiet ONE jibqgħu jiġbdu l-appoġġ f’suq kompettiv u li xejn mhu faċli.
“Hija sfida kontinwa xahar wara l-ieħor biex nibqħu relevanti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ produzzjonijiet, ma’ xandir u bħalissa huma żminijiet importanti ħafna anke jekk naħsbu li fis-sajf nieqfu xi ftit imma internament inkunu għaddejjin bil-kbir biex nippreżentaw skedi b’saħħithom sew ta’ dak li għandu x’jaqsam mar-radju iżda fuq kollox bit-televiżjoni.”
B’dan il-mod, tibqa’ tgħix il-wegħda tal-ewwel diska li ndaqqet fuq ONE. Dik li ladarba konna bdejna ma kellu jwaqqafna xejn u ħadd milli nimxu ‘l quddiem u nkomplu ninfurmaw u niddevertu lill-eluf. Hekk beħsiebna nkomplu nagħmlu għaż-żmien li ġej.