Il-Lussemburgu se jkun l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li jillegalizza l-produzzjoni u l-użu tal-kannabis għal skop rikreattiv.
F’intervista ma’ Politico, il-Ministru għas-Saħħa tal-Lussemburgu ddikjara b’mod skjett li l-politika dwar id-droga tal-aħħar 50 sena falliet.
“Li ma nħallu l-użu ta’ xejn għamel is-sitwazzjoni iktar interessanti għaż-żgħażagħ,” qal Etienne Schneider li sostna li qed jittama li kulħadd ikollu attitudni ta’ moħħ iktar miftuħ dwar is-suġġett tal-użu tad-drogi.
L-abbozz ta’ liġi dwar kif għandha ssir din ir-riforma mistenni jkun lest sal-aħħar tas-sena, biex l-implimentazzjoni ssir fuq sentejn.
Il-gvern tal-Lussemburgu qiegħed iħeġġeġ ukoll pajjiżi Ewropej oħra, biex huma wkoll janalizzaw is-sitwazzjoni b’moħħ miftuħ.
Bil-bidliet li se jsiru fil-Lussemburgu, adulti ta’ iktar minn 18-il sena li se jkunu jistgħu jixtru l-kannabis għal għan rikreazzjonali.
U l-produzzjoni u d-distribuzzjoni se tkun ikkontrollata mill-istat permezz ta’ aġenzija li se tinħoloq apposta.
Wieħed mhux se jkun jista’ jkabbar il-kannabis hu, u se jkun projbit li turisti jixtru l-kannabis mil-Lussemburgu, bil-għan li ma jinħoloqx suq ta’ turiżmu għad-droga.
Meta din il-bidla tidħol fis-seħħ, il-Lussemburgu jkun qed jingħaqad mal-Kanada, l-Urugwaj u numru ta’ stati fl-Istati Uniti li diġà implimentaw bidla ta’ dan it-tip. Fil-fatt, jidher li kien hemm kollaborazzjoni bejn il-Kanada u l-Lussemburgu, b’tal-ewwel jassistu lill-pajjiż Ewropew fit-tfassil ta’ din il-liġi ġdida.