Il-grupp ta’ Manuel Delia ħareġ kontra li jkun il-President tar-Repubblika li jmexxi r-riformi kostituzzjonali. Kien fl-aħħar jiem li l-President George Vella ħabbar li l-pubbliku inġenerali, l-għaqdiet kostitwiti, NGOs, u individwi jistgħu jibdew jibagħtu l-ideat tagħhom dwar x’bidliet jixtiequ jaraw iseħħu fil-Kostituzzjoni fir-riforma li qiegħda tiġi kkunsidrata.
Iżda, r-reazzjoni tal-grupp ta’ Delia kienet waħda negattiva. “Ma nsibu l-ebda serħan tal-moħħ fil-fatt li l-President jipparteċipa f’dan il-proċess,” qal il-grupp ta’ Manuel Delia li jsejjaħ lilu nnifsu Repubblika. Skont huma l-parteċipazzjoni tal-President f’dan il-proċess teċċedi l-limiti tal-poteri u r-responsabbilitajiet tiegħu fil-qafas Kostituzzjoanli. Għalhekk qalu li l bidu xejn mhu inkoraġġanti. Fi stqarrija fejn ma setax jonqos li jattakkaw il-gvern u r-riformi mnedija minnu qalu wkoll li l-proċess ta’ konsultazzjoni mniedi mill-President George Vella jista’ ikun paraventu.
Saħansitra spiċċaw jgħidu li jaf ikun aħjar li ma ssir l-ebda bidla fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.