Il-Parlament Malti huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-aqwa f’dik li hi effiċjenza biex jgħaddu l-liġijiet.
Qal dan l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anglu Farrugia meta kien qed jieħu sehem fuq il-programm Pjazza.
Spjega kif l-ammont ta’ liġijiet mgħoddija mill-Parlament Malti jiżboq dak tal-House of Commons, b’dan tal-aħħar huwa kkunsidrat li huwa l-iktar parlament effiċjenti.
“l-average tal-House of Commons huwa xi 34 jidhirli 34 mhux iktar minn 35 laws li għaddew mill-Parlament. Aħna f sentejn u xi ħaġa għaddejjna 81 liġi” –
Farrugia tkellem ukoll dwar dawk imsejħa bħala opinjonijiet motivati dwar liġijiet Ewropej fejn qal li pajjiżna kien fost l-iktar li ressaq minn dawn u dan b’mod effiċjenti.
“Ikollok liġi li qed tinħema minn Brussels, jingħatulna kollox, u ana ngħidu isma din orrajt jew din le. Għax ikun hemm il-prinċipju tas-sussidjaretà. Mela jekk aħna nħossu illi liġi mhix in line mal-prinċipju tas-sussidjaretà bħala pajjiż aħna nagħmlu dak li ngħidulhom ahna reasoned opinions, li jkunu motivati. Aħna fost l-aktar li għamilna reasoned opinions u kollha jiġifieri reasoned opinions b’sahhithom illi wħud minnhom anke waqqafna… iħarsu l-interess nazzjonali… ovvjament”.
Waqt l-istess prgramm, l-Ispeaker aċċenna fuq il-fatt li s-sehem tan-nisa fil-politika għadu baxx, u għalhekk tkellem favur il-ħtiega li ż-żewġ naħat tal-Kamra jaħdmu id f’id fuq dan l-aspett.
Reġa’ sostna wkoll li wasal iż-żmien li jkun hemm ir-riforma fil-privileġġ parlamentari, fejn saħansitra ċittadin ikollu d-dritt għal risposta.
“Imma kien ingħata biex ħadd ma jibża’ jitkellem, imma mhux tużah biex inti tohloq allegazzjoni, insinwazzjoni, tkisser persuna, tkisser soċjetà, tkisser grupp ta’ nies, mingħajr ma jkollok il provi.”