Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ħabbar li aktar minn 2.200 metru kwadru ta’ spazju fil-bajja tal-Għadira ngħata lura lill-pubbliku.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-ikbar bajja f’pajjiżna, Mizzi spjega li jiem biss qabel l-elezzjoni, l-eks Ministru Jason Azzopardi ta direzzjoni biex seba’ operaturi tal-umbrelel u d-deckchairs jingħataw konċessjoni ta’ 1340metru kwadru ‘l wieħed. Din wasslet għal ftit spazju għand in-nies.
Fisser li wara diskussjonijiet iebsin mal-operaturi, il-pubbliku llum għandu spazju ikbar biex igawdi l-bajja mingħajr ma neċessarjament ikollu jikri deckchair jew umbrella mingħand il-privat. Dan hekk kif l-operaturi kollha qablu li jcedu 340metru kwadru kull wieħed mill-konċessjoni tagħhom.
Fil-bajja tal-Għadira għandu jkun hemm bilanċ adekwat fejn il-pubbliku jkolli ċ-ċans jagħżel jagħmilx użu mis-servizzi privati offruti jew inkella jużax aktar spazji pubbliċi mingħajr ħlas, xi ħaġa li ftit li xejn kienet possibli fil-passat u llum jidher li dan il-bilanċ intlaħaq, qal il-Ministru.
Mizzi irringrazzja lill-operaturi u spjega li għas-sena d-dieħla se tiddaħħal politika definittiva għall-bajjiet.