Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret id-dati tal-International Food Festival – Gozo Edition li ser isir bejn il-Ġimgħa 9 u s-Sibt 10 ta’ Awwissu fil-Pjazza tax-Xewkija.
Il-Ministru għal Għawdex qalet li dan il-festival għandu l-appoġġ sħiħ tal-Ministeru għaliex huwa avveniment li stabbilixxa ruħu fil-kalendarju kulturali Għawdxi u hi attività mfitxxija minn bosta. Semmiet li l-edizzjoni ta’ din is-sena, bħas-sena ta’ qabel, se tkun mifruxa fuq jumejn u b’hekk se tingħata esperjenza gastronomika aktar vasta.
Il-Ministru Caruana qalet li għal din is-sena, il-festival ser ikollu żieda fl-għażla tal-ikel fejn ser ikun hemm aktar minn 20 esebitur li ser ikunu qegħdin joffru l-aqwa ikel minn bosta pajjiżi minn madwar id-dinja li jvarja minn dak Ażjatiku għal dak Mediterranju fejn b’mod partikolari jispikka l-ikel tipiku u tradizzjonali Għawdxi. Dan il-festival hu parti minn kullana ta’ attivitajiet oħra li l-Ministeru għal Għawdex qed jorganizza fil-pjazza tax-Xewkija matul ix-xahar ta’ Awwissu taħt il-kappa ta’ Summer in the Square bil-għan li l-misraħ ewlieni tal-eqdem raħal f’Għawdex jitgawda aktar wara li sar il-proġet tal-pjazza mill-Ministeru għal Għawdex.
Is-Sindku tax-Xewkija Hubert Saliba rringrazzja lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana u lill-organizzaturi ta’ dan il-festival tal-ikel li għal darba oħra emmnu fil-lokalità tax-Xewkija biex jittella’ festival ta’ din id-dimensjoni. Is-Sur Saliba awgura li din l-edizzjoni tkun suċċess bħas-snin preċedenti.
Jonothan Pace f’isem l-organizzatur tal-festival, qal li għalkemm il-festival stabbilixxa ruħu, bħala organizzaturi kull sena jistinkaw biex ikomplu jkabbru u jsaħħu dan l-avveniment annwali u dan grazzi għas-sostenn sħiħ tal-Ministeru għal Għawdex.
Id-dħul għall-attività hu b’xejn. Dawk li jixtiequ jduqu jew jieklu wieħed mill-platti preparati jistgħu jixtru l-biljetti minn stands li se jkunu armati.
Għal dan il-festival, il-Malta Public Transport ser tkun qeda topera servizz miżjud mill-Port tal-Imġarr u lura.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit www.maltainternationalfoodfestival.com.
Ritratt: MGOZ