Fis-sit fejn hu ppjanat li tinbena l-iskola primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada f’isem il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, instabu fdalijiet ta’ barrieri għall-qtugħ tal-blat li ġejjin minn żmien ir-Rumani. Din l-iskoperta saret waqt li kien qed isir tħaffir investigattiv mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali bħala parti mill-proċess ta’ evalwazzjoni arkeoloġika qabel isir l-iżvilupp u skond kif provdut fl-Att dwar il-Patrimonju Kulturali.
Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada qed taħdem flimkien mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali biex isiru r-reviżjonijiet meħtieġa fil-pjanti ta’ dan il-proġett biex inħarsu dawn il-fdalijiet mill-aħjar li nistgħu għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.
Sadanittant se jkunu qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji għall-protezzjoni, il-ħarsien u konservazzjoni ta’ dawn il-fdalijiet.
Għalkemm is-sejba ta’ dawn il-fdalijiet u r-reviżjonijiet tal-pjanti mistennija jolqtu l-programm li tfassal għall-bini ta’ din l-iskola, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada kif ukoll il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, qed ikomplu jimpenjaw ruħhom biex din l-iskola tinbena u biex studenti Għawdxin ikunu jistgħu jużaw din il-faċilità li tant ħaqqhom fl-iqsar żmien.