F’għeluq il-103 sena mit-twelid tal-Perit Dumiku Mintoff, ġiet inawgurata sala ddedikata propju għalih fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fil-Belt Valletta.
Mintoff kien it-tieni Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ Malta Indipendenti fl-1964.
Jikkumplimentaw din l-inawgurazzjoni kien hemm diskussjoni fuq is-sigurta fil-Mediterran immexxija minn Dr. Alex Farrugia, Profs Carmen Sammut u Profs Godfrey Pirotta.
Filmat fuq il-ħidma ta’ Mintoff ta’ meta Malta kienet taħt il-kolonja Ingliża, fakkar in-nies preżenti fuq it-tmexxija tal-Perit f’dan iż-żmien xejn faċli għalih u għal pajjiżna.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Carmelo Abela tenna kemm Mintoff ħadem u ġġieled sabiex ikun hemm paċi fil-Meditterran u eventwalment fl-Ewropa. Żied isemmi wkoll il-ħidma tal-Perit fejn tidħol in-newtralita, tema li Mintoff dejjem għożż tul il-karriera tiegħu fil-politika.
Għal din l-inawgurazzjoni kien hemm preżenti l-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca, Il-Ministru Carmelo Abela, familjari tal-Perit, u eks Membri Parlamentari.