Ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS, b’rabta mar-riforma tal-kannabis.
Il-ftehim mifrux fuq sentejn ikopri għajnuna finanzjarja ta’ aktar minn €400,000 lill-FSWS biex permezz tal-Aġenzija Sedqa tkun tista’ tkompli l-ħidma tagħha fl-iskejjel kontra l-abbuż mid-droga u mis-sustanzi. Dan se jkun qed isir permezz tal-programm TFAL 5 (tfal favur ambjent liberu) li s’issa diġà tmexxa bħala proġett pilota fejn laħaq ħames mitt tifel u tifla fi skejjel tal-Knisja u indipendenti. Sal-aħħar tal-2020, b’dan il-programm, se jkunu ntlaħqu mal-5,000 student u studenta.
Bil-ftehim li ġie ffirmat, l-FSWS se tkun tista’ tixtri vettura mobbli biex tintuża f’attivitajiet differenti fost il-pubbliku bil-għan li twassal messaġġi pożittivi. Apparti dan, se jkunu qed isiru diversi pubblikazzjonijiet biex jitqassmu fl-iskejjel flimkien ma’ logħob edukattiv kif ukoll sessjonijiet fi skejjel sekondarji u attivitajiet fil-komunità li jagħtu aktar viżibilità.
Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli qalet li dan il-ftehim hu frott xhur ta’ diskussjonijiet u ta’ ħidma li ilhom għaddejjin bejn iż-żewġ naħat. Irringrazzjat lill-FSWS għall-impenn li dejjem uriet f’din l-ewwel parti tar-riforma tal-kannabis li għandha l-għan li ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-abbuż mid-droga.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon qal li permezz ta’ dan il-ftehim il-gvern flimkien mal-FSWS qed juri l-impenn tiegħu li r-riforma tal-kannabis issir b’mod fejn kulħadd, speċjalment it-tfal u l-adoloxxenti, ikun infurmat bl-aħjar mod possibbli. Żied li din il-ħidma se ssib l-appoġġ kollu meħtieġ sabiex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-abbuż mid-droga u minn sustanzi oħra.
Il-ftehim kien iffirmat mis-Segretarju Permanenti Vincent Muscat kif ukoll mill-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti fil-preżenza tal-Ministru Michael Falzon u tas-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli.