Mara li kienet deskritta bħala ‘esperta ta’ pickpocketing’ intbagħatet tmin xhur ħabs wara li serqet €1,310 fi flus kontanti minn persuni differenti.
Il-prosekuzzjoni li kienet immexxija mill-Ispettur Jeffrey Scicluna akkużat lil Gunka Sandeva mill-Bulgarija b’serq aggravat. Hija serqet kartiera u żewġ envelopes, mingħand tliet persuni differenti.
Fis-seduta tal-Qorti li kienet ippreseduta mill-Maġistat Claire Stafrace Zammit, ħareġ li dawn is-serqiet seħħew bejn 31 ta’ Lulju u t-2 t’Awwissu. Id-Difiża mmexxija mill-avukat Shaheryar Ghaznavi stqarret li l-mara ġieli ħadmet bħala waitress, iżda bħalissa tinsab mingħajr impjieg.
Sandeva wieġbet ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha, anke wara li kienet imwissija mill-Qorti li jekk twieġeb ħatja se teħel sentenza ta’ priġunerija.
Fis-sentenza li ngħatat hija weħlet tmin xhur priġunerija. Dan wara li l-Qorti kkunsidrat li l-mara rritornat il-flus kollha li serqet.