Kieku kellha ssir mina bejn Ħ’Attard u l-Imrieħel, għalkemm din tipprovdi titjib fuq medda qasira ta’ żmien, fi żmien għaxar snin tibda tfalli u tkun saret għal xejn tant li ċ-ċentru tal-pajjiż xorta jiġġamja kompletament.
Dan ħareġ minn studji li saru dwar ħames proposti differenti li ġew ikkunsidrati bi tħejjija għas-Central Link Project li se tkun qed twettaq Infrastructure Malta.
Il-proposta fir-rigward tal-mina kienet li din tibda minn ħdejn Wied Inċita sal-bypass tal-Imrieħel, fejn hemm il-Malta Financial Services Authority (MFSA). Irriżulta li l-mina tista’ tipprovdi konnessjoni effettiva li taħdem tajjeb biss għal dawk il-persuni li jkunu sejrin mir-Rabat lejn l-Imrieħel jew bil-kontra. Ir-rotot l-oħrajn kollha fosthom dawk li jużaw ir-residenti ta’ Ħ’Attard u Ħal Balzan biex joħorġu minn djarhom jibqgħu l-istess daqs li kieku qatt ma sar xejn. B’hekk tkun issolvit biss parti mill-problema u għall-ftit.
Dan għax meta ġew ikkunsidrati xenarji ta’ x’jiġri wara li jgħaddu għaxar snin ‘il quddiem, ħareġ li bil-mina l-junctions f’Ħ’Attard u f’Ħal Balzan ifallu u sas-sena 2045 it-traffiku jiġġamja għal kollox. Dan għaliex it-titjib provdut mill-mina jkun lokalizzat wisq fuq rotot speċifiċi, filwaqt li l-parti l-kbira tat-toroq fil-madwar ma jkunux jifilħu għaż-żieda li se jkun hawn fid-domanda tat-trasport.
Agħar minn hekk, anke jekk hi soluzzjonijiet inqas effettiva l-mina hi iktar għalja. Meta tqabblu l-ispejjeż tal-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tal-proposti alternattivi, irriżulta li l-mina tiġi tiswa €33 miljun aktar mis-Central Link Project u anke l-ispiża li trid issir kull sena għaż-żamma tagħha hija ferm ogħla.
Imma fuq kollox, filwaqt li s-Central Link Project ikkwalifika bħala l-aktar soluzzjoni effettiva u sostenibbli biex jonqos il-ħin tal-ivjaġġar bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali, fil-każ tagħha l-mina jkollha l-inqas effett pożittiv f’dan ir-rigward mill-ħames proposti li ġew ikkunsidrati, speċjalment fuq medda ta’ 25 sena.
Daqstant ukoll, kuntrarjament għall-erba’ alternattivi l-oħrajn, il-mina ma tkunx tinkludi titjib ieħor f’infrastruttura ddedikata għat-trasport pubbliku, għaċ-ċiklisti u għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi. Fil-fatt għal dawn in-nies is-Central Link se jipprovdi infrastruttura li se tkun l-aqwa f’pajjiżna.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijet kollha li ttieħdu, mhux l-inqas dawk ekonomiċi, il-proposta tas-Central Link Project ikklassifikat bħala l-aħjar għażla biex jintlaħaq l-iskop li għalih se jsir il-proġett billi dan joffri l-iżjed soluzzjoni effettiva u għal tul ta’ żmien. Kif urew l-istudji li saru apparti, dan se jwassal biex il-ħin tal-ivjaġġar f’din ir-rotta ewlenija fiċ-ċentru ta’ Malta se jonqos bin-nofs, anke meta tqis iż-żieda fid-domanda li se jkun hawn għat-trasport sa 25 sena oħra. It-tnaqqis fil-ħin tal-ivjaġġar se jseħħ billi se jitneħħew erba’ sistemi ta’ traffic lights, li hemm ħdejn l-MFSA, Vjal de Paule, Wied Inċita u Ta’ Qali, kif ukoll se jitranġaw 13-il junction tul ir-rotta u jiżdiedu seba’ kilometri ta’ korsiji ġodda.
Bis-saħħa t’hekk, se jkun hemm kwalità tal-arja aħjar fl-inħawi tal-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, għax se jkun hemm ħafna inqas karozzi weqfin fit-traffiku u tispiċċa l-problema ta’ karozzi għaddejjin mit-toroq residenzjali dojoq fil-qalba ta’ dawn il-lokalitajiet biex jevitaw it-toroq arterjali huma u għaddejjin f’dawn l-inħawi. L-emissjonijiet se jonqsu drastikament, fosthom it-trab iswed li jkun sa 66% inqas fl-2030 u d-dijossidju tan-nitrogenu sa 41% inqas fl-2030.
Bis-Central Link Project se jkun hemm ukoll żieda sostanzjali fl-infrastruttura għall-ivjaġġar b’mezzi alternattivi, billi se jsiru 10.7 kilometri ta’ bankini u passaġġi għall-mixi ġodda u se jitranġaw il-waqfiet għall-karozzi tal-linja biex ikunu aktar sikuri f’postijiet li jintlaħqu aktar faċilment mir-residenti tal-inħawi. Se jsiru wkoll mini jew pontijiet pedonali u għaċ-ċiklisti għal vjaġġar aktar sikur bejn żoni differenti.
Fil-fatt, Central Link Project jinkludi l-itwal korsija għar-roti maqtugħa għaliha mill-karozzi f’Malta li se tgħaqqad flimkien l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali.