Huwa tassew ironiku li Adrian Delia joħroġ jgħajjar lill-Gvern bla pjan. Dan meta hu lanqas kien kapaċi jagħmel pjan għall-Oppożizzjoni li suppost imexxi tant li kellu jdur fuq ħaddieħor biex jagħmel ir-riformi li kien wiegħed li se jagħmel hu fil-Partit Nazzjonalista.
B’differenza minnu l-gvern għamel l-ikbar riforma fl-istorja ta’ pajjiżna fis-settur tal-enerġija. Riforma li waslet għal ġenerazzjoni ta’ enerġija iktar nadifa u prezzijiet tal-elettriku orħos li qed iwasslu biex ta’ kull sena jitħallew iktar minn €80 miljun fi bwiet il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.
Il-politika tal-gvern waslet għall-prezzijiet tal-fuel orħos kif ukoll iktar stabbli. Il-prezzijiet tal-fuel f’pajjiżna fl-aħħar snin niżlu bl-istess rata tal-medja Ewropea u fl-aħħar xhur inżammu stabbli meta kienu qed jgħolew mal-Ewropa kollha.
Dan b’mod differenti ħafna minn żmien gvern nazzjonalista meta l-prezzijiet kienu żdiedu ferm iktar minn kemm kienu telgħu fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.