Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici żar il-provi tal-musical tant mistenni ‘Il-Kbir Għadu Ġej.”
“Grazzi għal inizjattivi ta’ din is-sura, qegħdin nippromwovu u nsaħħu l-produzzjonijiet lokali. L-istrateġija kulturali tagħna qiegħda tipprovdi aktar pjattaformi fi ħdan is-settur, u permezz ta’ proġetti ta’ din is-sura mhux biss qegħdin insaħħu s-settur, imma qegħdin nipprovdu aktar lok biex inwasslu produzzjonijiet oriġinali u nagħmlu l-arti u l-kultura aktar aċċessibbli għas-soċjetà,” stqarr il-Ministru Bonnici waqt iż-żjara tiegħu.
Permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti, il-Ministeru qiegħed jassisti fl-ikkummissjonar ta’ produzzjonijiet muzikali teatrali oriġinali bil-Malti, billi jagħti sapport lil spettakli bħal Il-Kbir Għadu Ġej, filwaqt li joffri sapport għal talent lokali ġdid u żgħażagħ li jaħdmu ma’ artisti stabbiliti.
Il-Kbir Għadu Ġej huwa musical oriġinali bil-Malti, miktub minn Malcolm Galea. Il-kanzunetti huma kollha kanzunetti li jagħmlu parti mid-diskografija estensiva tar-re tar-rock’n’roll Malti, Freddie Portelli. Bid-direzzjoni ta’ Sean Buhagiar, u arranġament mużikali ta’ Dominic Galea, dan il-musical qiegħed iqajjem eċċitament kbir fost il-ħafna nies li jafu bih.
B’atturi, kantanti u żeffiena popolari u professjonali bħal Kevin Borg, Davide Tucci, Amber, Marilena, Petra, Frank Zammit, Luke Dalli, Leontine, Jamie Cardona, Michela Galea, Taryn Mamo Cefai, Colin Fitz, Max Dingli, Manwel Cassar, Warren Bonello li huwa wkoll il-korjografu, u ħafna, ħafna oħrajn, huwa fi żgur li dan se jkun spettaklu kbir. Il-kast huwa magħmul minn aktar minn 50 attur, kantant u żeffien, u t-tim kollu ta’ dan il-musical huwa magħmul minn mill-inqas 100 ruħ.
Il-Kbir Għadu Ġej ser jibda fid-9 ta’ Awwissu. Id-dati huma 9, 10, 11, 14, 15, 16, 17 u 18 ta’ Awwissu. Huwa jibda fit-8:30pm, u ser isir ġewwa Dar il-Mediterran fil-Belt Valletta.
L-ispettaklu huwa bil-Malti, imma se jkun hemm ukoll surtitli għal dawk li ma jitkellmux bil-Malti.
Il-Kbir Għadu Ġej għandu l-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti, li jaqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Għal aktar informazzjoni u biljetti żur: www.freddieportelli.com.