Il-proġett ta’ Triq Reġjonali li jinkludi l-bini mill-ġdid u t-twessigħ ta’ parti minn din l-arterja ewlenija, bejn il-mini f’Tal-Qroqq u Santa Venera, biex issir b’sitt korsiji, tlieta f’kull direzzjoni, wasal fl-aħħar fażi.
Fil-fatt matul din il-ġimgħa fil-ħinijet ta’ bil-lejl, il-parti tal-karreġġjata tan-nofsinhar minn kif toħroġ mill-mini f’Tal-Qroqq fid-direzzjoni lejn Santa Venera ingħatat l-ewwel kisi bl-asfalt. Dan wara li fil-jiem li għaddew Infrastructure Malta lestiet l-istruttura kollha tal-pont li jgħaddi minn fuq Triq il-Wied tal-Imsida, billi nbena t-tieni nofs tiegħu u nkesa b’materjal ta’ protezzjoni mill-ilmijiet (membrane). Bħalissa qed jinbena wkoll il-ħajt għall-ilqugħ fil-ġenb ta’ din il-parti tal-pont. Tneħħiet ukoll is-central strip li kien hemm qabel u flokha qed tinbena waħda aktar sigura permezz ta’ crash barriers magħrufin bħala jersey barriers li jillimitaw il-konsegwenzi f’każi ta’ aċċidenti. Din is-sistema ta’ crash barriers tal-konkos intużat l-ewwel darba f’pajjiżna fil-proġett ta’ Triq tal-Balal.
“Il-proġett ta’ Triq Reġjonali huwa ħolqa minn sensiela ta’ proġetti li implimentejna f’arterja prinċipali li tgħaqqad it-tramuntana ta’ Malta man-nofsinhar. Din hija waħda mit-toroq importanti li kien jonqosna ntejbu u fi ftit ġimgħat oħra, qabel il-festa ta’ Santa Marija, dan il-proġett ser ikun konkluż biex ikun jista’ jibda’ jitgawda mill-eluf ta’ nies li jgħaddu ta’ kuljum minn din it-triq. Ħidma lejl u nhar biex inwasslu l-benefiċċji ta’ toroq aktar effiċjenti u siguri lill-poplu,” tenna l-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg.
Il-pont li sar fis-sebgħinijiet biex iż-żewġ karreġġjati ta’ Triq Reġjonali jaqsmu minn fuq Triq il-Wied tal-Imsida, reġa’ nbena mill-ġdid biex jakkomoda l-korsiji ġodda u jtejjeb l-allinjament u t-tidwir tat-triq, għal aktar sigurtà, b’inqas riskji ta’ aċċidenti. Il-pont il-ġdid se jkun wieħed mill-iżjed strutturi wesgħin tax-xorta tiegħu f’Malta, b’wisgħa ta’ aktar minn 23.5 metri.
Il-korsija li ser tiżdied fil-karreġġjata tat-tramuntana, mill-mini ta’ Santa Venera lejn l-Imsida, ser tipprovdi aċċess aktar sigur mis-slip roads li jgħaqqdu Triq il-Wied tal-Imsida, Triq il-Ferrovija l-Antika, f’Birkirkara u Triq Kappillan Mifsud, f’Santa Venera ma’ Triq Reġjonali. Aktar ’il fuq, parti minn din il-korsija ġdida tlestiet u nfetħet diġà, sabiex tnaqqas ukoll il-ħin fl-ivvjaġġar meta toħroġ minn Triq Reġjonali mis-slip road li tagħti għall-bypass ta’ Birkirkara (Triq Dun Karm Psaila), l-Università ta’ Malta u l-Isptar Mater Dei.
Il-korsija ġdida l-oħra fil-karreġġjata lejn in-naħa t’isfel tal-pajjiż ittejjeb l-andament tal-vetturi li jkunu ġejjin mir-rampa li tgħaqqad il-bypass ta’ Birkirkara u r-roundabout f’Tal-Qroqq (fejn hemm l-iskatepark) ma’ Triq Reġjonali billi jibqgħu sejrin dritt lejn Santa Venera. Din il-korsija wkoll se tipprovdi aċċess aktar sigur għall-ħruġ minn Triq Reġjonali lejn Triq il-Ferrovija l-Antika u Triq il-Kappillan Mifsud, iż-żewġ toroq li jiltaqgħu ħdejn ir-roundabout li hemm bejn Birkirkara u Santa Venera.
“Dawn il-konnessjonijiet kollha qegħdin jiġu modifikati favur aktar sigurtà u effiċjenza. Nippjanaw l-investiment li qed nagħmlu fl-infrastruttura tat-toroq bi skop prinċipali – dak li nimmassimizzaw il-benefiċċji għall-poplu,” qal il-Ministru Borg.