F’serata sajfija fil-bidu tax-xahar ta’ Awwissu l-Prim Ministru Joseph Muscat żar il-festa ta’ Kristu Salvatur f’Ħal Lija.
Dan hekk kif bħal kull sena l-Banda San Piju X tellgħet il-kunċert annwali tagħha din id-darba b’kommemorazzjoni għall-20 sena ta’ ħidma mużikali mis-Surmast Reno Busuttil.
Fil-fatt il-kunċert li inkluda mużika mill-films popolari Cinema Paradiso u Mary Poppins ingħata l-isem Awguri Surmast!
F’diskors tal-okkażjoni, il-Prim Ministru spjega kif din il-festa għandha sinifikat importanti għalih kemm personalment u anke professjonalment.
Filwaqt li fakkar kif ir-residenza uffiċjali tal-Prim Ministru tinsab f’Ħal Lija huwa spjega kif nannuh serva bħala bandist għal żmien twil ma’ din il-banda u għal ħafna żmien speċjalment fit-tfulija tiegħu huwa qatta’ ħafna ħin f’din il-lokalità.