Fl-ewwel sitt xhur tas-sena, naqsu b’sitta fil-mija l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol f’pajjiżna. Dan meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li kienu elf ħames mija u tlieta u ħamsin, il-ħaddiema involuti f’inċidenti fuq il-post tax-xogħol fl-ewwel nofs tas-sena. Elf u mitejn kienu rġiel, u l-kumplament nisa.
Aktar minn ħmistax fil-mija – seħħew fis-settur tal-manifattura.
Erbatax fil-mija oħra seħħew fis-settur tal-kostruzzjoni, segwiti minn inċidenti fis-settur tat-trasport u tal-ħażna.
Imqabbel mal-ewwel nofs tal-elfejn u tmintax, in-numru ta’ aċċidenti naqsu b’wieħed u erbgħin fejn jidħlu servizzi amministrattivi, u żdiedu b’erbgħin fejn tidħol is-saħħa tal-bniedem u ħidma soċjali.
Kważi nofs il-ħaddiema involuti f’dawn l-inċidenti ġarrbu ġrieħi fil-parti ta’ fuq tal-ġisem, bħall-idejn u s-swaba’.
Madwar erbgħin fil-mija tal-inċidenti seħħew f’intrapriżi li jimpjegaw aktar minn ħames mitt ħaddiem.
Min-naħa l-oħra bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena, tliet ħaddiema tilfu ħajjithom fuq il-post tax-xogħol, jiġfieri tnejn aktar mill-ewwel sitt xhur tas-sena l-oħra.