Tul l-elfejn u tmintax, il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS tat l-għajnuna lil tmienja u erbgħin persuna li sfaw vittmi tat-traffikaw tal-bnedmin f’pajjiżna. Il-maġġoranza tal-każijiet jinvolvu sfruttament fuq il-postijiet tax-xogħol.
Dan ħareġ f’konferenza tal-aħbarijiet li ttellgħet fil-jum dinji kontra t-traffikar tal-bnedmin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti qal li 60% tal-vittmi li b’xi mod kellhom bżonn għajnuna mill-Fondazzjoni kienu nisa/
L-istatistika turi li tlieta u għoxrin kienu ġejjin mill-Ukrajna, 17 mill-Filippini, persuna mill-Moldova, mill-Pakistan, min-Nepal, u Mauritius.
Għal dan il-għan, il-Fondazzjoni kriet żewġ propjetajiet biex takkomoda 28 vittma, bil-bqija jingħataw l-għajnuna minn għaqdiet mhux goveranttivi.
Tul il-konferenza spikkaw ukoll interventi li saru minn diversi professjonisti barranin, li jaħdmu mill-qrib ma’ każijiet ta’ traffikar tal-bnedmin. Dawn qablu li iktar ma jgħaddi żmien, iktar qed isiru abbużi, l-aktar fost persuni li ġejjin minn pajjiżi foqra u kundizzjonijiet ta’ xogħol ħżiena.
Fl-intervent tiegħu il-Minsitru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela ħabbar li wara djalogu mal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Magħquda fuq id-Drogi u l-Kriminalità, Malta ssieħbet mal-kampanja bl-isem ‘Blue Heart’ li għandha l-għan li tqajjem għarfien fuq il-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni u l-impatt fuq is-socjetà.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Michael Falzon qal li l-Gvern se jibqa’ kommess li jidentifika każijiet ta’ traffikar ta’ bnedmin, speċjalment fi żminijiet fejn il-moviment bejn il-fruntieri dejjem qed jiżdied.
Dan apparti l-fatt li l-Victims Unit fi ħdan il-korp tal-Pulizija qiegħed dejjem jissaħħaħ biex jidderiġi lill-vittmi għand l-entitajiet li għandhom bżonn filwaqt li r-rekluti kollha jsegwu kors bażiku fuq is-suġġett.
Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli qalet li l-għan tal-Gvern hu li jibda’ jindirizza dan il-fenomenu b’mod li jġib l-entitajiet kollha nvoluti flimkien biex il-vittmi jingħataw il-ħarsien li għandhom bżonn.