Waqt li kien bejn sema u ilma, fuq ħidmietu biex jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum, sajjied weġġa’ waqt li kien fuq dgħajsa fl-ibħra Maltin.
Il-weġgħa ma kinitx waħda żgħira, u kien hemm bżonn l-għajnuna medika.
Għaldaqstant intalbet l-għajnuna tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Appena saret is-sejħa, ingħatat bidu biex tkun evakwata l-vittma, magħrufa bħala Casualty Evacuation.
Permezz tal-paġna tagħhom fuq Facebook, il-Forzi Armati ta’ Malta ppublikaw filmat li fih juri pass pass xi jsir f’din ix-xorta ta’ evakwazzjoni.
Il-membri tal-armata Maltija jirkbu ħelikopter, li f’dal-każ kien l-AW139, u marru minnufih fejn kienet tinsab id-dgħajsa.
Malli waslu fuq il-post, membru mill-Forzi Armati tniżżel fuq id-dgħajsa permezz ta’ ħabel, u hemmhekk, huwa ta l-ewwel għajnuna lis-sajjied mirdub, filwaqt li l-ħelikopter baqa’ fl-akwati.
Wara dal-pass, il-ħelikopter resaq eżatt fuq id-dgħajsa, tniżżel ħabel li ntrabat mas-sajjied, u dan tal-aħħar ittella’ fuq il-ħelikopter.
Minn hemm, huwa ttieħed fil-bażi tal-Air Wing tal-Forzi Armati ta’ Malta, fejn ambulanza kienet qed tistennih sabiex tieħdu l-Isptar Mater Dei għal iktar għajnuna.
Is-sors tal-filmat kien imqabbad mal-elmu tal-membu tal-Forzi Armati ta’ Malta, li kien parti kruċjali f’din l-evakwazzjoni, u għaldaqstant, kull min jara l-filmat jara l-ħidma ssir daqs li kieku qed jagħmilha hu.
Dan filwaqt li tkun apprezzata dejjem iktar il-ħidma sfieqa li ssir mill-Forzi Armati ta’ pajjiżna.