Andrew Mangion wieġeb mhux ħati li qatel lil Eleanor Walker Mangion.
Viżibilment inkwetat u mħażżem fil-ġlekk u ingravata sewda b’simboli tas-salib ta’ Malta fuqha, Mangion kien mitlub jagħti d-dettalji personali tiegħu lis-Segretarja tal-Maġistrata, b’din tal-aħħar tindikalu jgħolli l-vuċi għax kienet fil-baxx ħafna.
L-avukat difensur, Dr Joe Giglio, qal li l-imputat mhux se jagħmel ebda talba għall-ħelsien mill-arrest sakemm ikompli jistema’ l-każ.
Sadanittant huwa talab permess mill-Qorti biex żewġ qraba tiegħu jkunu jistgħu jżuru lil Mangion fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kylie Borg.
Aktar qabel: Għall-ħabta tal-5.30p.m., Andrew Mangion, ta’ 40 sena, se jitressaq il-Qorti akkużat bil-qtil ta’ Eleanor Mangion Walker. Huwa maħsub li qatel lill-mara, ta’ 33 sena, fis-Swieqi u permezz ta’ vann ħadha f’maħżen f’Ħal Qormi fejn il-Ħadd 3 ta’ Lulju saret is-sejba.
Il-każ se jibda jinstema’ quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr N. Sciberras.
Fil-jiem li għaddew one.com.mt irrappurta li sorsi qalu li qarib ta’ Mangion, li kien fi stat ta’ xokk, mar jirrapporta li Eleanor inqatlet. Irrapporta wkoll li Andrew Mangion qallu b’kollox u talbu l-għajnuna biex jeħles mill-katavru, iżda irrifjuta. Hu maħsub li kien f’dan il-punt li Andrew Mangion sparixxa, wara li qal lil dak li jiġi minnu li kien iddisprat tant li kien lest jispara lilu nnifsu
Aktar dettalji fil-ħin li ġej.