Raġel ta’ 41 sena mill-Amerika imma jgħix l-Isla, tressaq il-qorti għax l-eks mara bdiet tibża’ minnu.
Jirriżulta li t-Tlieta ċemplet lill-pulizija u qalet li hemm l-eks raġel tagħha wara l-bieb tad-dar. Hija qalet li beda jeħdilha xi filmat.
Ir-raġel ma baqax hemmhekk x’ħin marru l-pulizija. Iżda l-mara x’ħin niżlet biex tmur l-għassa tagħmel rapport, ratu jsuq warajha.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet minn Sarah Zerafa li qalet li minn rapport tal-appoġġ, ir-raġel ġie akkużat ta’ riskju għoli. Huwa kiser ordni ta’ protezzjoni li kien hemm fil-konfront tiegħu.
Huwa wieġeb mhux ħati.
Il-Maġistrat Nadine Lia tagħtu l-ħelsien mill-arrest. Iżda qalet li l-akkużat irid imur jiffirma fl-għassa ta’ Bormla kull ta’ nhar ta’ Tnejn u ma jistax javviċina lill-eks mara tiegħu.