Numru ta’ deputati nazzjonalisti deskritti bħala anti-Delia avviċinaw lill-Partit Demokratiku bil-għan li jifformaw alleanza ġdida fil-Parlament.
Irrapportaw dwar dan The Times of Malta u The Malta Independent li f’żewġ artikli separati kkonfermaw l-istess informazzjoni.
Jirriżulta li din il-manuvra saret wara li s-Sibt li għadda Adrian Delia rebaħ vot ta’ fiduċja fil-Kunsill Ġenerali.
Għalkemm mijiet ta’ kunsillieri vvotaw kontra tiegħu jew saħansitra ma marrux jivvotaw.
Dan il-vot xejn ma niżel tajjeb ma’ dawk li ma’ Delia ma jarawx għajn m’għajn u b’hekk qed isir sforz biex terġa’ titqajjem il-koalizzjoni magħrufa bħala l-Forza Nazzjonali.
Koalizzjoni li kienet inħadmet bejn Marlene Farrugia u Simon Busuttil u li kienet abbandunata ladarba Simon Busuttil ma baqax imexxi l-Partit Nazzjonalista, tant li s-Segretarju Ġenerali Clyde
Puli ma jitlifx okkażjoni biex jgħid kemm dan kien żball strateġiku qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Godfrey Farrugia, Kap interim tal-Partit Demokratika, ma ċaħadx l-aħbarijiet imxandra iżda kkonferma kuntatt ma’ dawk li skont hu huma “political influencers.”
Godfrey Farrugia qal li l-Partit Demokratiku jibqa’ miftuħ li jieħu miegħu lil kull min għandu lil Malta għal qalbu.
Hawn Farrugia qal li l-Partit Demokratiku tkellem ma’ varjetà ta’ nies għalkemm mhux b’mod uffiċjali.
Intant, hemm ukoll numru ta’ tesserati tal-Partit Nazzjonalista li wara s-Sibt bdew jgħidu li se jissieħbu mal-Partit Demokratiku, għalkemm jirriżulta li s’issa dan in-numru mhuwiex kbir. Anke għaliex dawk imdejqa bis-sitwazzjoni qed jistennew x’se jagħmlu d-deputati li jsegwu u li fl-aħħar jiem spikkaw għas-silenzju tagħhom.