Tlett irġiel li serqu basktijiet ta’ turisti fil-Belt Valletta ġew issentenzjati għal disa’ xhur priġunerija u ġew ordnati sabiex jagħtu lura dak kollu li serqu.
Mohamed Berkouk, Maalem Abderrahmane u Lazhari Zamouche wieġbu ħatja li serqu minn basktijiet il-ġimgħa l-oħra u fil-qorti ħareġ li l-ħatja ġew Malta bil-għan li jisirqu.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Jeffrey Scicluna qalet li l-irġiel kienu jħarsu lejn turisti li bħalissa qegħdin fuq btala Malta u stqarrew b’mod partikolari li dawn l-episodji ta’ serq ħallew impatt negattiv ħafna fuq is-settur turistiku tal-pajjiż.
L-irġiel li huma kollha mill-Alġerija skużaw ruħhom u qalu li riedu jroddu lura dak li kienu ħadu.
Il-Qorti ppresedutha mill-Maġistrat Josette Demicoli sabithom ħatja u kkundannat għal 9 xhur ħabs. L-imputati għad baqalhom iroddu €1300 fit-tlett xhur li ġejjin hekk kif €1100 diġa ngħataw lura lill-vittmi.