Lil dawk ta’ madwarna għandna nġieħluhom iħobbu lilhom infushom, mhux billi nagħmlulhom LIKE fuq Instagram, iżda billi ngħidulhom.
Sentiment komuni fost Christabelle Borg u Caroline Paris – żewġ influencers Maltin – li qablu li tkun xi ħaġa pożittiva jekk ma jibqax jidher in-numru ta’ likes li jsiru fuq Instagram. Dan wara li l-istess sit soċjali ħabbar li f’bosta pajjiżi kbar bħall-Awstralja u l-Ġappun, m’għadux jidher in-numru ta’ likes fuq ir-ritratti, u hemm pjanijiet biex dan iseħħ madwar id-dinja. Dan bil-għan li dawk kollha li jużaw din l-app – b’mod partikolari ż-żagħżagħ – ma jiġġudikawx lilhom infushom jew jiġu ġġudikati minn ħaddieħor, abbażi n-numru ta’ likes li jġibu fuq ritratt.
Caroline Paris qalet: “Jiena nisma’ ħafna ġenituri li għandhom tfal ta’ għaxar snin li jinkwetaw jekk it-tifla fil-klassi ġabitx iktar likes minn tfal oħra u jien inħossni fortunata li ma kbirtx hekk.”
Filwaqt li Christabelle Borg qalet: “Jiena għext f’era ta’ social media – bdejna mill-HI5, Facebook, u nħoss li dawk ta’ warajja jew forsi jekk xi darba jkolli t-tfal tiegħi, jitilgħu f’ġenerazzjoni li ma jiddependux mil-likes, hija xi ħaġa tajba ħafna.”
Caroline Paris taqsam mas-segwaċi tagħha kontenut dwar il-moda u l-ivvjaġġar. Bħal influencers oħra, taqsam ukoll partijiet mill-ħajja personali tagħha, u ma’ ONE News stqarret li tħossha ħażin jekk ġieli ma tagħmilx dan.
Hija qalet: “Nammetti li nħossni guilty. Per eżempju l-fatt li ġieli nieħu xi day off u ma nitfax story, inħossni guilty, għax naf li dak li jkun qed jistenna xi ħaġa, anzi nħoss li għandi dmir u nħoss li I took the easy way out pero xi drabi jkollok bżonnha.”
View this post on Instagram
Lil Christabelle Borg, ħafna jafuha bħala kantanta, iżda hi wkoll – għalkemm stqarret li ddejjaqha l-kelma – hija meqjusa bħala influencer.
Ma’ ONE News qalet li għaliha, il-ħajja hija ferm iktar minn kemm iġġib likes, u stqarret li għalkemm tul is-snin tgħallmet trabbi l-qoxra, ċerti kummenti fuq il-midja soċjali xorta jaffettwawha.
“Inħoss li kelli nnaqqas ftit minn social media għaliex kemm il-darba ppruvajt nesprimi ruħi u ġejt interpretata ħażin u allavolja kemm jista’ jkun tipprova tiddefendi lilek innifsek, ikollok reazzjoni negattiva.”
Fl-aħħar jiem, id-Danimarka ħabbret li qed tippjana li tirregola l-influencers, wara li influencer popolari fil-pajjiż li għandha aktar minn 300,000 segwaċi, ippubblikat nota ta’ suwiċidju. Azzjoni li xprunat diskussjoni dwar is-suġġett, u d-Dekan fl-Università ta’ Malta Andrew Azzopardi, qal li l-agħar ħaġa f’dan kollu huwa li din it-tfajla uriet ma’ dawk kollha li jsegwuha, li s-suwiċidju huwa aċċessibbli. Huwa spjega li għandu jkun hemm responsabbiltà fil-kontenut li jitfgħu l-influencers, hekk kif dawn in-nies ħafna drabi jitqiesu ta’ idolu għal bosta u jagħtu aċċess għal ħolm li forsi mhux kulħadd jista’ jilħaq.
“Meta inti tgħid ara jien nixtieq inkun popolari u qed nara lil dik popolari għax għandha l-basket u għax tagħmel il-lipstick jew dak għax qed jagħmel il-gym u l-weights, u allura naħseb li jekk jien nagħmel din il-formula, jien se nkun bħalu u se nkun ferħan.”
Azzopardi spjega li filwaqt li dawn il-persuni ma jistgħux jiġu ċċensurati, huwa iżjed importanti li wieħed jadatta għal din ir-realtà.
“Għandna dil-informazzjoni ġejja għalina b’mod kontinwu u naħseb li tant ġejja b’mod qawwi u sottili li l-filters tagħna ma jaħdmux tajjeb biżżejjed u rridu ninvestu f’li jkollna critical mass u rridu nkunu kapaċi nirriflettu fuq dak li qed jiġi għal wiċċna.”
Christabelle Borg għalqet b’messaġġ b’saħħtu, u spjegat ix-xewqa tagħha għall-ġenerazzjonijiet futuri.
“Tiddependi minn self-love u importanti ħafna li lil dawk ta’ madwarna nġiegħluhom iħobbu lilhom infushom mhux billi nagħmlulhom like fuq Facebook jew Instagram imma billi ngħidulhom. Inti sabiħa jew proset kemm tkellimt sabiħ.”