“Issa se nieħu deċiżjonijiet sodi u skomdi.”
Hekk iddikjara l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ftit wara li sar magħruf li kiseb ftit aktar minn 67 fil-mja tal-voti tal-kunsillieri f’vot ta’ fiduċja li ssejjaħ fil-konfront tiegħu. Fil-fatt kienu kważi sitt mitt kunsillieri li jew ivvotaw kontrih jew ma marrux jivvotaw għalih jew ħasru l-vot. Madankollu Delia li se jibqa’ jmexxi partit maqsum qal li issa se jagħmel it-tibdil u se jieħu deċiżjonijiet sodi u skomdi.
Qal li issa ser iseħħ ir-rieda tal-maġġoranza u l-Partit Nazzjonalista jerġa’ twieled mill-ġdid.
B’reazzjoni għar-riżultat il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil sostniet li t-tmexxija ta’ Delia għandha tifhem il-kitba fuq il-ħajt, dik li terz tal-kunsilliera m’għandiex fiduċja fih.
“Aħna se nibqgħu fil-partit”, sostniet l-istqarrija ffirmata minn Ivan Bartolo u Mark Anthony Sammut li ressqu l-petizzjoni kontra Delia.
Dan b’turija ċara li l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil se tkompli turi l-preżenza tagħha fil-partit li jinsab fl-eqqel tal-ġlied intern.
Il-fazzjoni ta’ Busuttil saħqet ukoll li l-vot ta’ fiduċja f’Delia jirrifletti n-nuqqas ta’ fiduċja li għandu l-elettorat fil-Kap tal-Oppożizzjoni.