Il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo u l-whip tal-grupp parlamentari Robert Cutajar ma kinux komdi jgħidu jekk humiex se jivvotaw Iva sabiex Adrian Delia jibqa jmexxi l-Partit Nazzjonalista dal elezzjoni generali li jmiss.
Arrigo, li ma jarax għajn m’għajn, mal-koppja Kristy u Jean Pierre Debono, ma weriex il-fiduċja tiegħu fil-Kap Adrian Delia, hu u dieħel jixħet il-vot dwar il-futur ta’ Delia fil-Partit Nazzjonalista. Arrigo kien diga ddikjara li ma vvotalux fit tellieqa ghall kap 22 xahar ilu.
Robert Arrigo qal mal-ġurnalista ta’ ONE News:
“Se tivvota ghal Delia?”
“Użgur li se nivvota. Affari tiegħi lil min se nivvota.”
Anki l-whip nazzjonalista Robert Cutajar naqas milli juri mal-fiduċja tiegħu pubblikament f’ Adrian Delia.
Meta mistoqsi jekk hux ser jivvota għal Delia, ir-risposta ta’ Cutajar kienet biss, “Bonġu.”
Kienu biss id-deputati Carm Mifsud Bonnici u Hemrann Schiavone li bla tlaqliq iddikjaraw l-appoġġ tagħhom fil miftuh lejn Adrian Delia.
Il-vot tas-sibt reġa ġibed lejn id-Dar Ċentrali kunsilliera nazzjonalisti, li kemm ilu Delia Kap jew twarrbu mill-Partit, jew tbegħdu minnu minħabba li ma jaqblux mat-tmexxija ta’ Adrian Delia.
Fost dawn kien hemm Alan Abela Wadge l-eks kunsillier tal-Imsida, li ma reġax ikkontesta l-elezzjoni lokali u ma baqax attiv fil-Partit minħabba li ma jaqbilx li Delia għandu jkun il-kap li jmexxi l-Partit Nazzjonalista.
Iżda Abela Wadge li huwa qrib sew tal-fazzjoni Busuttil, is-Sibt ivvota sabiex Delia ma jibqax imexxi l-Partit.
“Jien ilni ma niġi lejn id-dar ċentrali illum se nivvota le għal Delia.” Qal mingħajr tlaqliq Abela Wadge.
Ma’ ONE News kunsilliera Nazzjonalisti li vvutaw favur Delia, bi kburija qalu li l-vot tagħhom mar għal Delia.
Iżda kien hemm kunsilliera oħra li għażlu li jibqgħu siekta, għax imbeżża’ li jitniżżlu fil-lista s-sewda ta’ xi fazzjoni jew oħra tal-Partit.
Barra d-dar ċentrali kienet tinhass tensjoni kbira b’ħafna mill-ħbieb ta’ Adrian Delia iħeġġu lil kunsilliera jivvutaw iva għal Delia.
“Ivvutajtu iva ghal Delia?” Saqsiet il-ġurnalista ta’ ONE.
“Ovvjament, għax huwa kap li jgħaqqad.”
Oħrajn wieġbuna, “X’inhu affarik” u “No comment“.