Omm u iben ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest wara li s-Sibt tressqu l-Qorti minħabba li nqabdu jisirqu iPad minn basket f’lift fl-Isptar Mater Dei.
Jidher li fit-22 ta’ Lulju li għadda, Anthony Borg li għandu 36 sena u ommu Ċensina li għandha 59 sena, lemħu basket ta’ konsulent fl-isptar, ħaduh fil-lift, serqu iPad li kien hemm fil-basket, u ħallewh hemm.
Huma nqabdu permezz ta’ filmati li ġew elevati minn kameras tas sigurtà. Huma wieġbu mhux ħatja.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li għad hemm xhieda pajżana x’jinstemgħu, u li Anthony Borg kien diġà ngħata l-libertà proviżorja u kiser il-kundizzjonijiet tagħha.
Hawn kien spjegat li jiem ilu, Borg inqabad jisraq mill-istabbiliment LIDL tal-Mosta waqt li kien meħlus mill-arrest.
Żied jgħid li r-raġel għandu fedina penali kkulurita u jekk jingħata ħelsien kapaci jikkometti reat ieħor.
Hawnhekk id-difiża qalet ukoll li l-akkużat qed jistenna tarbija u jieħu l-pensjoni tal-invalidità minħabba li ma jistax jaħdem.
Il-Qorti ċaħdet it-talbiet li saru għall-ħelsien mill-arrest.