Mal-150 spiżjara tal-Gvern se jibbenefikaw minn ftehim settorali ġdid li kien iffirmat fl-ispiżerija tal-Isptar Mater Dei bejn il-Ministeru tas-Saħħa u l-Unjin Ħaddiema Magħqudin.
Ftehim li ntlaħaq wara xhur ta’ negozjati, u se jindirizza mhux biss il-pakkett finanzjarju b’rikonoxximent għax-xoghol siewi li jagħmlu, iżda wkoll it-taħriġ kontinwu tal-ispiżjara kif ukoll iċ-ċans ta’ speċjalizzazzjoni.
Filfatt għall-ewwel darba, l-ispiżjara tal-Gvern se jkollhom struttura formali ta’ kif jistgħu jispeċjalizzaw. Dan mhux biss jgħinhom fil-karriera professjonali tagħhom, iżda jwassal ukoll għal iżjed kura speċjalizzata għall-pazjent.
Dan kollu mistenni jwassal għal titjib notevoli fil-ħajja tal-ispiżjara tal-Gvern preżenti, kif ukoll jattira aktar żgħażagħ lejn din il-karriera.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, u Josef Vella mill-UHM, it-tnejn qablu li dan il-ftehim huwa biss il-bidu ta’ proċess li ma jħarisx biss lejn is-salarju, iżda lejn investiment dejjiemi fil-karriera tal-professjonisti, u servizz aħjar lill-pazjent.