Waqt taħdita interessanti dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li għandhom in-nisa fl-intraprenditorjat spikkaw ir-rimarki ta’ Sharon Cusens, Maltija li għamlet żmien twil taħdem fil-Ġermanja u f’dawn l-aħħar sena u nofs bdiet topera f’Malta, permezz ta’ kumpanija li waqqfet fil-qasam tal-ospitalità.
Il-kumpanija li tmexxi Cusens hija istituzzjoni edukattiva li ġġib studenti barranin jitħarrġu fuq diversi ħiliet waqt il-btajjel tagħhom.
Spjegat kif pajjiżna qed jgħin bi sħiħ, permezz ta’ inizjattivi magħrufa bħala start-ups, li jgħinu negozji jibdew l-ewwel passi tagħhom.
“Jiena sibt xena pożittiva ħafna. Ħafna għajnuna, ġibna tlett funds mill-Gvern u mill-EU. L-affarijiet jimxu malajr, in a matter of months. We apply for a fund, we get it u l-funds għajnuna ħafna, infatti għalhekk ġejt hawn illum. Illum qed jitkellmu fuq iċ-challenges u jien nixtieq ngħidilhom li hemm ħafna għajnuna biex ma jaqtgħux qalbhom għax kieku ma kontx Malta ma kontx inkun fejn qiegħda llum. Kieku għamilt l-istess il-Ġermanja żgur ma kontx niġi daqshekk ‘il quddiem daqs din is-sena u nofs f’Malta.”
Għal darb’oħra reġgħet qabblet lil pajjiżna, mal-Ġermanja, pajjiż meqjus b’saħħtu immens fl-Unjoni Ewropea.
Saħqet li l-Gvern daħħal miżuri mhux biss favur it-tkattir tan-negozju iżda anki favur il-familja, fosthom is-servizz taċ-child care b’xejn.
“Pero jidher li hawn ħafna support li meta nagħmel il-comparison mal-Ġermanja, ma kelliex dawn. Meta t-tfal tiegħi kienu żgħar kont nixtieq li kelli dawn l-affarijiet li qed naraw hawn Malta. Jiġifieri n-nisa are not being held back.”
Sharon Cusens tkellmet f’taħdita li nfetħet mill-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona li saħaq li pajjiżna għad fadallu x’jagħmel biex isaħħaħ l-istrutturi meħtieġa sabiex in-nisa ma joqogħdux lura mid-dinja tan-negozju.
Ma’ dan ingħaqdet il-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni Rosianne Cutajar li saħqet dwar l-opportunitajiet indaqs li dan il-Gvern irid jagħti f’kull qasam.