Wara l-ġurament tal-ħatra tal-Ministru Edward Zammit Lewis, il-Prim Ministru Joseph Muscat wieġeb ukoll għal numru ta’ mistoqsijiet li sarulu mill-ġurnalisti fejn fost l-oħrajn tkellem dwar il-proġett tas-central link.
Bi kliem ċar, il-Prim Ministru spjega kif qed tingħata impressjoni żbaljata li se ssir xi ħerba ambjentali.
B’ton sod iżda umli, li lest li jisma’ t-tħassib onest tas-soċjetà ċivili, Dr Muscat qal li f’dan il-proġett, il-Gvern ħa pass sensibbli tant li naqqas l-użu tal-art bi kważi sittin fil-mija.
Madankollu innota li l-Gvern naqas milli jirreaġixxi mill-ewwel dwar dikjarazzjonijiet skorretti li se saru dwar dan il-proġett li fost oħrajn għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonjiet fl-arja li joħorġu minn vetturi li jkunu mwaħħlin fit-traffiku.
“Il-Gvern għamel pass lura mill-proġett li kien propost minn amministrazzjoni oħra fl-2006, fejn kien ħa jintuża kważi 60% fil-mija aktar t’art agrikola. Jiġifieri dak kien pass lura u pass tas-sensibiltà. Li tgħid li n-nies kontra, hemm gruppi li huma vokali ħafna kontra l-proġett u rridu nagħtu kas dak li qed jingħad, naħseb irridu nikkomunikaw aħjar. Naħseb l-impressjoni li ħa jinqalgħu dawk is-siġar il-kbar u ħa ssir xi ħerba kienet żbaljata. Ma rreaġixxejniex b’mod mal-ewwel.”
B’reazzjoni għal rapport kunfidenzjali tal-MoneyVal dwar attivitajiet relatati ma’ ħasil ta’ flus u finanzjament ta’ terroriżmu, il-Prim Ministru reġa’ kien ċar.
Saħaq li mindu nħadem ir-rapport sal-lum, il-Gvern Malti ma qagħadx b’idu fuq żaqqu iżda diġà implimenta għadd ta’ rakkomandazzjonijiet li għad iridu jiġu ffinalizzati f’rapport li joħroġ uffiċjalment fil-ġimgħat li ġejjin.
“Għaliex ir-rapport għandu cut-off date ta’ Novembru li għadda. Bejn Novembru li għadda u llum il-ġurnata diġa saru ħafna mir-rakkomandazzjonijiet li qed jgħid dak ir-rapport. Persważ illi mingħajr ma noqgħod nikkummenta fuq il-kontenut tiegħu, persważ li d-deadline ngħata mill-MoneyVal lill-pajjiżna, ħa tkun biżżejjed biex dak kollu li qed jiġi rrakomandat iseħħ.”