Nisa Laburisti tawgura lil Dr Helena Dalli għan-nominazzjoni tagħha ghall-Kummissjoni Ewropea. Il-President tan-Nisa Laburisti, Nikita Zammit Alamango nnutat li din hija l-ewwel darba f’15- il sena li pajjiżna nnomina mara għal kariga tant għolja.
Hija nnutat li l-esperjenza vasta li Dr Dalli kisbet tul il-karriera twila taghha, b’mod partikolari bħala Ministru ghall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, żgur li se tgħinha tixpruna l-bidliet kulturali, politiċi u soċjali li hemm bżonn fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea. Zammit Alamango aċċennat li tixtieq tara lil Dr Dalli tkompli tissielet għall-ugwaljanza, din id-darba fuq skala Ewropea u biex għal darb’ohra tkun katalista tad-drittijiet ċivili u l-ugwaljanza madwar l-Ewropa.
Paula Cauchi, Uffiċjal Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Laburista, ingħaqdet ma’ Nisa Laburisti u ferħet lil Dr Dalli, li bla dubju se tinbotta ‘l quddiem l-ugwaljanza fuq livell Ewropew, kif għamlet tul il-karriera tagħha fuq livell lokali- u b’hekk tressaq lill-Unjoni Ewropea eqreb taċ-ċittadini taghha.
Nisa Laburisti u Dr Cauchi ferħu wkoll lil Dr Edward Zammit Lewis tal-ħatra tiegħu fil-Kabinett. Dr Cauchi nnutat li din hi l-ewwel darba li l-portafoll tal-Ugwaljanza se jitmexxa minn Ministru raġel u awgurat li Dr Zammit Lewis jkompli fuq il-ħidma ta’ Dr Dalli biex pajjiżna jkompli jikseb il-bidliet legali u soċjali meħtiega.
Nisa Laburisti tirringrazzja lill-Kummissarju uxxenti Karmenu Vella għax-xogħol impekkabbli tiegħu f’ dawn l-ahhar 5 snin.