Fl-età ta’ sitta u erbgħin sena, Edward Zammit Lewis ħa l-ġurament tal-ħatra bħala Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza. F’ċerimonja fil-Palazz, il-ġurament ingħata fil-ħdax tal-Ħamis filgħodu mill-President ta’ Malta George Vella, fil-preżena tal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż.
Fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-President Vella ta l-ġurament tal-ħatra lil Zammit Lewis u b’hekk se jerġa’ fil-Kabinett wara nuqqas ta’ sentejn li matulhom kien chairman tal-kumitat parlamentari għall-Affarijiet Barranin u dawk Ewropej.
Il-Ministru Zammit Lewis ħa post Helena Dalli li ġiet nominata biex isservi bħala Kummissarju Ewropew.
Il-ġurament tal-ħatra ngħata fil-preżenza ta’ qrabatu li dehru emozzjonati fil-mument li ngħata l-ġurament.
Fi tmiem il-ġurament tal-ħatra, il-Prim Ministru tkellem dwar in-nomina ta’ Helena Dalli biex isservi fil-kummissjoni l-ġdida ta’ Von De Leyen.
“Ma nnominajniex lil Dr. Dalli għax hija mara imma għax hija kompetenti fuq kollox imma ħa tgħin ukoll għall-iskop illi ddikjarat illi għandha l-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea Ursola Von De Leyen illi jkun hemm gender parity fil-Kummissjoni Ewropea u aħna nawgurawlha minn qalbna u persważ li ħa tkun qed tagħmel biċċa xogħol tajba ħafna. Nittama wkoll illi l-forzi politiċi tal-pajjiż jingħaqdu fil-verità wara n-nomina ta’ Dr. Dalli f’dan ir-rigward.”
Dr. Joseph Muscat ikkummenta wkoll dwar il-fatt li l-ugwaljanza se tkun imbuttata ‘l quddiem, għall-ewwel darba minn raġel.
Saħaq ukoll li l-Ministru Zammit Lewis se jkompli fuq dak li bniet Helena Dalli, li kienet hi li ressqet l-ewwel qari dwar l-att tal-ugwaljanza.
Il-Prim Ministru qal ukoll li Zammit Lewis se jkollu xogħol importanti, anki biex pajjiżna jibqa’ jassorbi l-mija fil-mija tal-fondi Ewropej bl-għajnuna tas-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia.
Dwar dan aċċenna wkoll Zammit Lewis innifsu.
“L-ugwaljanza, l-irġiel jistgħu jmexxu gender equality pero ċertament l-ugwaljanza huwa fuq il-post tax-xogħol, l-ugwaljanza hija iktar wiesgħa minn gender equality u allura iva b’wiċċi minn quddiem ħa nkun qed inmexxi b’importanza dik il-parti tal-portafol. Il-parti l-oħra tal-portafoll kif għadu kemm semma l-Prim Ministru huwa importanti ħafna l-Affarijiet Ewropej u ċ-challenges li ħa jkollna. M’għandiex dubju li jiena u anki s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia se nkunu qed naħdmu bħala team sabiex naffaċċjaw dawn l-isfidi.”
Intant din iċ-ċerimonja tal-ħatra li saret skont is-setgħat mogħtija mill-Kostituzzjoni lill-President ta’ Malta saret għall-ewwel darba mill-President George Vella li ilu fil-kariga kważi erba’ xhur.