Liban Hussein Mohamud, raġel ta’ 32 sena mis-Somalja ġie kkundannat 8 snin ħabs wara li ammetta li stupra tfajla Taljana, dakhinar ta’ 21 sena, ġo karozza wara li ħatfuha fil-Belt.
Il-każ ġara sitt snin ilu fil-lejl ta’ bejn il-24 u 25 ta’ Marzu tal-2013.
It-Taljana nħatfet xħin kienet fi triqitha lejn il-Belt Valletta minn karozza b’erba’ rġiel ġo fiha.
Għalkemm pruvat tuża l-mobile biex iċċempel u tiftaħ il-bieba tal-karozza biex taħrab, l-irġiel ħadulha l-mobile u baqgħu sejrin biha bl-iskop li jistruprawha.
Quddiem il-Qorti ħareġ li kien f’Ħal Far li żewġt irġiel neżżawlha l-ħwejjeġ, stuprawha u ħallewha waħedha f’nofs ta’ triq.
Il-vittma mxiet lejn il-fabbrika tal-Playmobile sabiex titlob għall-għajnuna.
L-akkużat ammetta l-akkużi kollha kontrih, fosthom stupru, ħtif, serq ta’ mobile u li uża vjolenza, u kien għalhekk li ma ttellax ġuri.