55 rekluta ngħaqdu mal-kumplament tal-Korp tal-Pulizija wara l-Erbgħa filgħodu għalqu 4 xhur ta’ taħriġ f’passing out parade li ġiet organizzata fil-bitħa tal-forti Sant Iermu fil-Belt Valletta.
Din iċ-ċerimonja bdiet permezz ta’ parata qasira li warajha segwiet l-ispezzjoni tal-gwardja tal-unur mill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u l-Ministru tal-Intern Michael Farrugia bil-banda tal-Korp daqqet numru ta’ melodiji fl-isfond ta’ dak li kien qed jiġri. Wara ir-rekluti kien hemm ukoll numru kbir ta’ familjari li viżibbilment kburin dehru jċapċpu u jiġbdu diversi ritratti tal-għeżież tagħhom jirċievu ċ-ċertifikati tal-ħatra mingħand il-Kummissarju u l-Ministru tal-Intern.
Jan Saliba ngħata wkoll it-titlu bħala l-aktar rekluta li ddistingwa ruħu fost il-rekluti l-oħra sħabu. F’diskors li għamel wara li rċieva dan ir-rikonoxximent prestiġjuż Saliba qal li bħala żagħżugħ huwa jrid ikun ta’ ispirazzjoni għal żagħżagħ oħra u li permezz tal-uniformi tal-Pulizija huwa jrid iservi lil l-kumplament tal-komunità.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar stqarr li huwa ta sodisfazzjon għalih li kien qed jindirizza it-tielet passing out parade kemm ilu fil-kariga. F’isem il membri tal korp huwa laqa’ lil 55 membru ġdid fi ħdan il-korp tal-pulizija. Qal li dan huwa jum speċjali għalihom u għal familthom. Qal li wara 4 xhur it-tagħrif ta’ dawn ir-rekluti dwar il-korp kiber ferm. Saħaq li dawn issa ġew mgħallma dak kollu li se jkollhom bżonn u bit-tagħlim li rċivew se jkunu jistgħu iservu il-membri tal-pubbliku bl-aħjar mod possibbli. Stqarr li jixtieq li dawn il-membri l-ġodda jixtieq li jarahom ikomplu jkattru l-għarfien tagħhom hekk kif sostna li t-tagħlim huwa ċ-ċavetta tas-suċċess u qal li pulizjia qatt ma jista’ jinforza liġi li ma jkunx konxju tagħha.
Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia stqarr li huwa sodisfatt bir-riżultat ta’ dan ir-reklutaġġ. Huwa stqarr li l-investiment fil-Korp ma qatax u mistenni jkompli jżid fix-xhur u s-snin li ġejjin. Fakkar kif dan l-investiment qed ikompli jnaqqas il-kriminalità f’pajjiżna. Huwa sostna li dawn l-aħħar sentejn rajna tnaqqis sostanzjali ta kriminalità u fejn sal aħħar tal-2018 rajna tnaqqis ta’ 8%, fl-ewwel 6 xhur ta’ din is-sena din ix-xejra qed tkompli tidher. Stqarr li Malta hija pajjiż sigur u dan jiċħdux ukoll statistika tal-Eurostat hekk kif ir-rata ta’ kriminalità f’pajjizna hija n-nofs tal-medja tal-Unjoni Ewropea.