Illejla l-Kumitat għall-Affarijiet tal-Familja fil-Parlament se jkun qed jisma’ l-esperjenza ta’ Joe Magro.
Raġel li fl-aħħar xhur tkellem b’mod miftuħ dwar kif qed isofri mill-kundizzjoni tal-ALS. Fl-aħħar xhur Magro għamel intervista mal-maltatoday fejn qal li ma jridx imut, iżda ma jridx jgħidx mingħajr dinjità.
“Kollox għadni nista’ ngħamel imma dejjem innaqqas. Mort għat-testijiet. Ma stajtx inqaxxar il-leħja. Bdejt – nimxi ma tantx inkun nista’. Ma tantx nista’ nikteb. Bi żmien ġejjin iżjed għall-agħar dawn l-affarijiet,” qal Magro. “Għaliex x’jiswa li tibqa’ ħaj teknikament biss?” jistaqsi Joe.
Iddikjara li ma jafx kemm hu twil il-ġejjieni tiegħu. Ħafna bil-kundizzjoni bħal m’għandu hu ma jgħixux iktar minn ħames snin
Iċ-ċermen tal-Kumitat, it-tabib Godfrey Farrugia, qal li possibilment din hija l-ewwel darba li kumitat parlamentari qiegħed jiltaqa’ biex jiddiskuti fuq talba ta’ individwu. Għalkemm laqgħat fuq dan is-suġġett issa mistennija jsiru diversi minħabba li s-suġġett huwa wieħed kontroversjali u kumplikat.
Ritratt: maltatoday