Il-preżentattriċi u membru tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Louise Tedesco sejħet lill-fazzjoni Busuttil bħala “Barra Brigade”.
F’artiklu fuq The Times of Malta, Louise Tedesco, li ġabret il-firem sabiex il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia jibqa’ fi tmun tal-partit, attakkat il-fazzjoni Busuttil u akkużathom li mhux biss iridu jagħmlu ħsara lill-partit iżda għamluha l-missjoni taħghom li jeqirduh.
“Jaqbduni dwejjaq kbar meta nara nies fil-Partit Nazzjonalista li qegħdin jagħmluha l-missjoni tagħhom jkissru lill-Partit. Fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew iddedikaw saħħithom biex ħolqu sitwazzjoni li minnha mhu se jirbaħ ħadd.
B’mod ċiniku sejħet lill-fazzjoni ta’ Busuttil bħala “barra brigade”. Dan għax fi kliemha mhux l-ewwel darba li għamluha ta’ judge and jury u ma jirrispetawx il-veduti u l-opinjoni tal-maġġoranza. Hawnhekk hija tat eżempju b’Adrian Delia, li ġie elett mit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista
“Għamlu kemm felħu biex jimminaw it-tmexxija ta’ Adrian Delia, f’kull pass li ħa u f’kull opportunità” iddikjarat Tedesco li qalet li ilha minn żmien Eddie Fenech Adami tappoġġja lill-Kap elett, mhux għax dejjem kellha fiduċja għamja fil-kap jew għax kienet taqbel ma’ kull d-deċizjoni li tittieħed.
B’referenza ċara għall-ex Kap Simon Busuttil, Louise Tedesco qalet li bosta deċiżjonijiet li ttieħdu fl-aħħar snin bħall-astensjoni fil-liġi tal-Unjoni Ċivili u d-deċiżjoni li jingħaqdu mal-Partit Demokratiku ta’ Marlene Farrugia kienu żbaljati u waslu għal telf kbir ta’ voti.
Qalet li dak iż-żmien dawk bħalha li ma qablux mad-deċiżjonijiet ħżiena ma ħaslux il-ħwejjeġ maħmuġin barra u ma ħadmux minn taħt kif qed jagħmlu issa d-deputati qrib l-ex kap Nazzjonalista.
Żiedet li ironikament dawn in-nies li ħadu d-deċiżjonijiet ħżiena, issa qegħdin jippuntaw subgħajhom lejn it-tmexxija ta’ Adrian Delia.
Hija żiedet tgħid li ‘Barra Brigate’ qed tkompli tagħmel l-istess żball li tippersonalizza kull kwistjoni u sostniet li l-irwol tal-Partit Nazzonalista mhux li jibgħat in-nies il-ħabs. Dan f’botta ċara lejn Busuttil li ried jitfa’ lill-Prim Ministru u lil martu l-ħabs dwar il-gidba Egrant
Louise Tedesco wissiet li jekk il-‘Barra Brigade’ ma tgħaddix tagħhom se jkomplu bl-istess tattiċi biex jagħmlu ħsara lil Delia.
Qalet iżda li jekk jirnexxilhom ineħħu lil Delia, eluf ta’ votanti Nazzjonalisti se jħossuhom ingannati mill-Partit Nazzjonalista, li l-ewwel qalhom biex jagħzlu l-Kap tagħhom imbagħad għamlu minn kollox biex jimminaw l-għażla tagħhom.
Filwaqt li qalet li hija tkellmet dwar dan fil-Partit Nazzjonalista qalet li l-‘Barra Brigade’, huma żbaljati meta jaħsbu li l-opinjoni tagħhom hija l-stess opinjoni tal-għeruq Nazzjonalisti.
Erbat ijiem qabel jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali, Louise Tedesco qalet li tittama li fl-aħħar il-fazzjoni Busuttil tisma’.
“It-tama hija l-aħħar li tmut. Nittama li l-Kunsill Ġenerali joffri tama lil dawk in-nies li bħali iridu li l-Partit Nazzjonalista jqum mill-ħsara kbira li saritlu. Nittama li jintbagħat messaġġ ċar lil dawk li naqsu milli jisimgħu. Nittama li din id-darba jisimgħu kitbet Louise Tedesco b’referenza għal fazzjoni Busuttil.