Il-miżuri li l-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen wegħdet sabiex tiġi miġġielda l-isfida tat-tibdil fil-klima huma importanti u ta’ prijorità assoluta.
Hekk stqarret il-Kap tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew u l-Viċi President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi Miriam Dalli.
F’intervista ma’ ONE News fi Strasburgu, Dr Dalli esprimiet is-sodisfazzjon dwar il-miżuri li se jittieħdu biex sal-2050 jinqatgħu l-emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju fl-Unjoni Ewropea.
“Dawn huma affarijiet pożittivi imma fl-istess ħin irridu naraw li jkollna target b’saħħtu għas-sena 2030. Jekk mhux se jkollna target b’saħħtu u dan il-Parlament ivvota għal tnaqqis ta’ 55% fil-karbonju sal-2030, ma nkunux nistgħu naslu f’sitwazzjoni fejn neliminaw għal kollox il-karbonju sal-2050.” Dan saħqitu Miriam Dalli.
Dr Dalli qalet li filwaqt li taqbel ma’ von der Leyen li anke oqsma marittimi u tal-avjazzjoni jridu jikkontribwixxu għal dan il-għan, irid isir l-istess għas-settur tal-karozzi.
Dalli kompliet billi qalet, “Irridu naċċertaw ruħna li s-settur tal-karozzi jibqgħu taħt liġijiet fejn ikollna standards ċari ta’ kemm irid inaqqas karbonju għax b’hekk biss nistgħu ikollna sitwazzjoni fejn nibbilanċjaw l-aspett ambjentali, t-tibdil klimatiku u l-ekonomija ta’ pajjiżi differenti.”
Mistoqsija dwar il-ħatra tagħha bħala Viċi-President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, Dalli saħqet li din hija turija ta’ fiduċja fid-delegazzjoni Laburista fil-ħames snin li għaddew u fir-riżultat li l-Partit Laburista kiseb f’Mejju li għadda.
“Jiena kommessa li bħala Viċi-President inkun qed nimbotta aġenda progessiva u ambizzjuża, aġenda li tiġbor flimkien il-ħarsien ambjentali, il-ħtieġa li nindirizzaw it-tibdil fil-klima, il-ħtieġa li nibdlu l-politika industrijali, li nsaħħu l-ekonomiji ta’ pajjiżi differenti u li jkollna protezzjoni soċjali.” Sostniet Dalli.
Qalet li l-erbgħa ewroparlamentari Laburisti jiltaqgħu kull ġimgħa biex jiddiskutu l-pożizzjonijiet fl-aħjar interess ta’ pajjiżna.
Spjegat li din il-ħidma qed tidher fl-għażla wiesgħa ta’ kumitati li l-ewroparlamentari tal-Partit Laburista għażlu li jservu fihom.
L-Ewroparlamentari Dalli kkonkludiet, “Ħdimna flimkien biex naraw liem huma dawk il-kumitati li nkunu responsabbli fuqhom għax riedna kumitati li jagħmlu differenza fil-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin u l-pjan tagħna hu li nibqgħu naħdmu flimkien bħala delegazzjoni.”
Dr Dalli fissret kif hi kburija bid-delegazzjoni, li minbarra li kibret fin-numru wara l-aħħar elezzjoni, fiha taħlita tajba ta’ esperjenza u demm ġdid li se jwassal għal leħen iżjed sod b’risq il-Maltin u l-Għawdxin