Malta hija kommessa li tipprevjeni, tintraċċa kif ukoll tipprosegwixxi kontra attivitajiet relatati ma’ ħasil ta’ flus u finanzjament ta’ terroriżmu. Malta ser tkun qed tieħu nota u fl-istess waqt timplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport Mutual Evaluation Report imħejji mill-MoneyVal wara l-evalwazzjoni li saret f’Novembru tas-sena li għaddiet b’rabta mas-sistema kontra l-ħasil ta’ flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ser jiżdiedu ma’ numru ta’ inizjattivi li diġà bdew jittieħdu bħala parti mill-istrateġija nazzjonali ta’ Malta b’rabta ma’ dan is-suġġett kif ukoll mill-pjan ta’ azzjoni għat-tliet snin li ġejjin fl-istess qasam.
Dan ir-rapport huwa tal-Kunsill tal-Ewropa u huwa kunfidenzjali sakemm jiġi ppubblikat mill-MoneyVal. Ir-rapport dwar Malta huwa soġġett għal proċess post adoption in konformi mar-regoli ta’ proċedura tal-MoneyVal. Ir-rapport dwar Malta jista’ jiġi ppubblikat biss mill-MoneyVal ġaladarba jkun intemm il-proċess formali. L-awtoritajiet Maltin huma obbligati li jirrispettaw il-kunfidenzjalità ta’ dan ir-rapport u għalhekk ma jistgħux jippubblikaw jew wisq anqas jgħaddu kummenti dwar il-kontenut tar-rapport qabel ma jiġi ppubblikat b’mod uffiċjali mill-MoneyVal; liema pubblikazzjoni mistennija ssir f’Settembru li ġej.
Sa mit-twaqqif tal-MoneyVal li jmur lura għall-1997, Malta dejjem irrispettat il-proċeduri u l-kunfidenzjalità tal-proċess ta’ evalwazzjoni komuni u mingħajr ma kien hemm interferenza esterna, kif għandu jkun. Huwa għalhekk ta’ diżappunt li dan il-proċess li wasal fil-ħames stadju tiegħu ġie żvelat u ppubblikat b’mod mill-aktar irresponsabbli. Dan għall-fatt li dak li ġie żvelat kien abbozz ta’ rapport li kien fi stadju bikri u li kien soġġett għal diversi tibdiliet kif ukoll għaliex ġew żvelati partijiet mill-istess rapport li għadu soġġett għall-proċess ta’ evalwazzjoni. Dan l-iżvelar mhux biss wassal għal pressjoni żejda fuq il-proċess ta’ evalwazzjoni imma kien intenzjonat ukoll biex jimbarazza lill-awtoritajiet Maltin mal-Kunsill Ewropew.
MoneyVal li hija parti mill-korp Financial Action Task Force (FATF) kif ukoll membru tal-istess FATF, twettaq proċess globali li jinvolvi l-evalwazzjoni tal-istati membri kif ukoll ġurisdizzjonijiet. L-għan ta’ dawn l-evalwazzjonijiet huwa li jkun hemm analiżi u assessjar tas-sistemi marbuta ma’ miżuri kontra l-ħasil ta’ flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, u tirrapporta dwar il-livell ta’ konformità mal-40 rakkomandazzjoni tal-Financial Action Task Force (FATF). Din il-konformità tapplika wkoll mal-livell ta’ effettività li għandha s-sistema marbuta ma’ miżuri kontra l-ħasil ta’ flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Ir-rapport tal-MoneyVal għandu rakkomandazzjonijiet dwar kif dawn is-sistemi msemmija jistgħu jitjiebu u jissaħħu. B’referenza għal din tal-aħħar, l-awtoritajiet Maltin huma kommessi li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-MoneyVal.