F’inqas minn xahrejn mit-tnedija tal-iskema tal-Equity Sharing, diġà applikaw għaliha aktar 121 persuna.
Permezz ta’ din l-iskema, persuni li għandhom 40 sena jew aktar li qed isibuha diffiċli jiksbu self mill-bank, jingħataw għajnuna finanzjarja mill-Awtorità tad-Djar biex isiru sidien ta’ djarhom. Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay, qal li b’din l-iskema, l-Awtorità qed tindirizza sfidi differenti.
“Huwa ċar ħafna li din l-iskema qed timla vojt partikolari għall-persuni li sal-lum ma kellhomx alternattiva oħra ħlief li jmorru fis-suq tal-kera. L-Equity Scheme hija għal dawk il-persuni li minkejja li għandhom ċertu assi, qed isibuha diffiċli jiksbu self mill-bank minħabba li għandhom ċertu età.”
L-applikanti jixtru mhux anqas minn nofs il-proprjetà filwaqt li l-parti l-oħra tixtriha l-Awtorità tad-Djar. Dan ifisser li l-Awtorità tad-Djar se tiffinanzja bejn €20,000 u €100,000 għax-xiri ta’ proprjetà li ma’ taqbiż il-€200,000. Bid-dħul tal-applikant ma jridx jeċċedi l-€40,000.
L-applikanti se jkunu obbligati li mill-assi tagħhom, jiffinanzjaw mill-anqas 10% tal-prezz tal-proprjetà li jkunu se jakkwistaw b’ din l-iskema. Fl-istess ħin dawn jintrabtu li hekk kif jgħaddu 20 sena, jixtru s-sehem li tkun xtrat l-Awtorità bl-istess prezz akkwistat minnha. F’każ li l-applikanti ma jkunux f’pożizzjoni finanzjarja li jixtru s-sehem l-ieħor, uliedhom jew il-werrieta jistgħu jixtru sehem l-Awtorità minflokhom.
“Kull persuna anke jekk hija single tista’ tapplika għall-iskema. L-importanti hu li jkollha aktar minn 40 sena, li għandha assi biex tassigura l-10% depożitu. Imma l-għan hu li kull min hu eliġibbli jkun jista’ japplika mal-Awtorità tad-Djar.”
Minkejja d-domanda għolja għal din l-iskema fi żmien tant qasir, l-Awtorità qed tassigura li din l-iskema mhux se tieqaf hawn.
“Qed nassiguraw li din l-iskema tkompli kemm jista’ jkun tinċentiva aktar persuni. Insejħu lil dawk interessati biex jikkuntattjaw jew lill-Awtorità jew lil xi fergħa tal-bank APS.”
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal li hekk kif issa bdew il-preparamenti għall-baġit ta’ din is-sena, il-Gvern se jkompli b’din il-viżjoni wiesgħa tiegħu għal dan is-settur.
“Il-ħsieb hu li jkun hemm strateġija ħolistika, li int mhux titkellem biss fuq dawk li għandhom bżonn l-akkomodazzjoni soċjali, iżda anke oħrajn li għandhom bżonn għajnuna differenti. F’dan il-baġit bi ħsiebna naħdmu wkoll fuq miżuri li jmexxuna f’dik id-direzzjoni.”
Dawk interessati li jidħlu għal din l-iskema jistgħu jniżżlu applikazzjoni mis-sit www.housingauthority.gov.mt.