B’veduta tpaxxi l-għajn tal-baħar ikħal Malti u fil-kwiet u ħemda tas-salini taż-Żonqor f’wied il-Għajn, baqa’ wieħed mill-aħħar ftit persuni li sal-lum il-ġurnata għadu jipproduċi l-melħ oħxon.
Dan huwa Żarenu Darmanin jew kif ħafna jsibuh bħala Żarenu tal-melħ, Żejtuni mimli b’għomor u enerġija żagħżugħa li qed iżomm ħajja din l-industrija b’għeruq ferm antiki li tmur lura fi żmien ir-Rumani.
Crew ta’ ONE NEWS żar il-post fejn Żarenu għandu s-Salini fiż-Żonqor fejn sibnieh imdawwar ma’ tnejn minn Uliedu nisa, li b’dedikazzjoni kbira kienu qed jiġbru l-melħ mill-ħwat tas-salini.
Żarenu spejga l-proċess xejn faċli sabiex jipproduċu l-melħ bejn ix-xhur ta’ Lulju u Settembru.
“L-ewwel intellgħu l-ilma baħar għal ġol-konka l-kbira. Mill-konka l-kbira għall-konka ż-żgħira, imbagħad għal ġol għadajjar iż-żgħar. U wara ħamest ijiem isir il-melħ”
Iżda Żarenu qalilna li l-melħ jitwieled minn ommu, il-baħar, iżda jekk jerġa’ jmiss ma’ ommu jmut, iġifieri li jekk il-melħ jerġa jmiss mal-ilma, dan il-proċess jisfaxxa fix-xejn. Tenna li l-akbar ostaklu għall-melħ hija x-xita.
Qal li l-familja tiegħu ilha tipproduċi din ir-riżorsa naturali għal mitejn sena sħaħ. Qal li l-melħ oħxon kien jintuża ħafna biex in-nies tippreserva l-ikel fih iżda ħafna minnu kien jinbigħ lix-xwieni li jidħlu l-port.
“Min-nanna li kienet tiġi miż-Żejtun bil-mixi ta’ kuljum imbagħad wara n-nanna ħaditu ommi u wara ommi ħaduh ħuti u minn ħuti issa qed nagħmlu jiena. Naqas ix-xogħol tiegħu”
B’diżappunt Żarenu semma li l-produzzjoni tal-melħ mis-salini Maltin waslet fi tmiemha, hekk kif qed jinġieb aktar melħ minn barra xtutna.
“Inqata’ ħafna x-xogħol tal-melħ minn hawn, kien jinħadem kollu sa Dellimara f’Xorb l-Għaġin u l-Gzira fejn il-Jerma kien jinħadem kollu, issa x-xogħol tiegħu naqas ħafna, għax jidħol ta’ barra dak li jkun irqiq, imma l-bqija dejjem joħroġ xi naqra minn għall-kappar minn għall-ġbejniet u anke għall-ikel.”
Xħin mistoqsi x’jaħseb dwar il-futur tal-produzzjoni tal-melħ fil-familja tiegħu, Żarenu wieġeb donnu konvint li hu ser ikun l-aħħar ġenerazzjoni li tipproduċi l-melħ fil-Familja Darmanin, minħabba d-dinja aktar moderna tal-lum.
“U l-familja jgħinuk? Ma tantx illum, illum skola jridu jkunu jafu”
U hekk kif konna ser inħallu l-post, ilmaħna lil Żarenu jagħmel is-sinjal tas-salib fuq il-mazz tal-melħ, sinjal biex minn hemm jasal imbierek għand in-nies.