3 persuni li kienu qed jirriskjaw kumplikazzjonijiet serji f’għajnejhom, ingħataw tama ġdida, wara li fl-aħħar jiem sarilhom b’suċċess intervent li kien jirrikjedi tessut imsejjaħ amniotic membrane li beda jinġieb f’Malta mill-Ingilterra.
Dan l-intervent sar għall-ewwel darba f’pajjiżna din il-ġimgħa fl-Isptar Mater Dei taħt it-tmexxija tal-Konsulent Oftalmologu Franco Mercieca, li ma’ ONE News spjega fid-dettall x’jiġri waqt l-intervent – li jista’ jdum bejn ftit minuti u sigħat skont il-gravità tal-ferita.
“Dan huwa intervent fejn inpoġġu amniotic membrane din tkun donated minn omm li tkun għadha kemm welldet ċesarja li tkun screened għall-problemi mediċi, u nieħdu l-inner lining fejn kien hemm il-baby – dik ngħidulha ammunic membrane li tkun preparata f’laboratorju fejn aħna nużawha fuq il-wiċċ tal-għajn biex il-wiċċ tal-għajn ifieq”, qal Mercieca
Dr. Mercieca qal li huma medja ta’ 2 pazjenti fil-ġimgħa li għal raġunijiet diversi jkunu jeħtieġu dan l-intervent.
Intervent li ddeskriva bħala l-ewwel pass għall-fejqan biex dak li jkun isalva l-vista u jfiq mingħajr kumplikazzjonijiet.
Mercieca qal: “L-aktar li nużawha għal pazjenti li jkollhom xi barxa li ma tistax tfieq, jew xi infezzjoni fuq il-cornea li ma tistax tfieq, jew pazjenti li jkollhom injury b’xi kimika xi ġir jew aċtu li jisplodi f’wiċċhom u ovvjament jagħmel ħafna ħsara fuq il-wiċċ tal-għajn u b’din it-teknoloġija, aħna nistgħu nirriabilitaw l-għajn bl-aħjar mod possibbli.”
Sa ġimgħa ilu, jekk dawn il-pazjenti kienu jieħdu l-mediċina iżda xorta ma jfiqux, kien ikollhom jitilgħu l-Ingilterra biex jagħmlu dan l-intervent; b’ħafna skariġġ għalihom u għal qrabathom.
Iżda issa li dawn l-amniotic membranes qed jinġiebu Malta mill-Ingilterra, dawn il-pazjenti se jingħataw il-kura li jkollhom bżonn f’pajjiżna stess, u l-ħsieb hu li fis-snin li ġejjin, dan it-tessut jibda jsir lokalment ukoll.
“Għandna pjan ukoll li t-tissue bank f’Malta jibda jipproduċiha hu stess in the long term jiġifieri għandna pjan fi żmien erbgħa, ħames, snin, din tkun tista’ tiġi prodotta lokalment ukoll”, temm Dr. Mercieca.