Biex ikun Viċi Ċermen tal-kumitat LIBE fil-Parlament Ewropew, Roberta Metsola imbuttat l-isem ta’ MEP Ungeriż mill-partit tal-kontroversjali Viktor Orban. Il-kumitat LIBE huwa l-kumitat għal-libertajiet ċivili, il-ġustizzja u l-affarijiet interni u fi ħdanu jsiru ħafna mid-diskussjonijiet dwar is-saltna tad-dritt. Fih il-Membru tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista, Roberta Metsola, tikkordina f’isem il-Partit Popolari Ewropew. Però din il-ġimgħa xejn ma marret tajjeb. Dan meta l-pożizzjoni li ħadet hi meta ġiet l-elezzjoni għall-Viċi Ċermen tal-kumitat kienet totalment miċħuda. Fil-fatt deher mill-bidu li l-maġġoranza tal-membri fil-kumitat kienu se jgħidu le għall-proposta ta’ Reborta Metsola. Iżda, hi xorta ressqitha. Dan b’mod li l-elezzjoni kellha tkun sospiża biex issa se ssir ftit tal-jiem oħra. Ma tantx għadda wisq ħin wara li tkellmet biex kien ċar li Metsola ressqet proposta li ma kinetx aċċettabbli, tant li kienet hi stess li wara ftit minuti talbet li l-vot ma jittieħedx
Sakemm Roberta Metsola kellha tagħmel in-nomina tagħha kollox kien miexi ħarir tant li kien diġà nħatar iċ-Ċermen u ż-żewġ viċi. Kien meta ġew għat-tielet nomina (għal dak li jkun it-tielet Viċi Ċermen) li l-MEP tal-Partit Nazzjonalista nnominat lill-Ungeriż Balázs Hidvéghi mill-partit Fidesz. L-MEPs ta’ dan il-partit huma parti mill-grupp tal-Partit Popolari Ewropew. Iżda, il-partit kien sospiż mill-Partit Popolari Ewropew primarjament minħabba kwistjonijiet marbuta mas-saltna tad-dritt. Dan wassal biex il-proposta ta’ Metsola tinżel b’xettiċiżmu fost il-membri tal-kumitat tant li minkejja li kien miftiehem li “t-tielet” Viċi Ċermen kellu jkun MEP mill-grupp tal-popolari kien hemm min innomina persuna oħra basta ma jsirx dan l-Ungeriż. Hawn Metsola ppanikkjat u talbet biex il-laqgħa tieqaf għal ħames minuti biex tinnegozja mal-koordinaturi l-oħra. Id-diskussjonijiet damu iktar mill-ħames minuti mitluba minn Metsola u li l-unika ħaġa li waslu għaliha kienet li l-elezzjoni ssir f’data oħra u sa dakinhar il-grupp tal-popolari jsib kandidat differenti minn dak li marret bih Roberta Metsola. Koordinaturi ta’ gruppi oħra kienu ċari meta tkellmu fil-kumitat. Qalu li sa meta jerġgħu jiltaqgħu l-EPP għandu jmur b’soluzzjoni iktar aċċettabbli.
Naturalment, fil-kurituri ta’ Brussell, l-aġir ta’ Metsola qajjem mhux mistoqsija u tnejn. Ħafna tkellmu dwar kif din l-MEP li fejn tidħol Malta tant titkellem fuq ir-rule of law kienet komda tmur tressaq isem minn partit li tant kellu kwistjonijiet li spiċċa sospiż. Għalkemm oħrajn ma kinux sorpriżi għax din mhux l-ewwel darba li Roberta Metsola qabżet għall-Ungerija filwaqt li attakkat lil Malta. U mhux l-Ungerija biss.
Fil-fatt meta kien hemm talba biex isir rapport dwar ir-rule of law fil-Polonja hi ma kinetx ħadet pożizzjoni kontra dan il-pajjiż. Anke jekk fl-istess ħin kienet parti minn delegazzjonijiet li kienu ġejjin u sejrin pajjiżna jagħmlu rapporti dwar pajjiżna. Qabel kienet ivvutat ukoll biex ma tmurx delegazzjoni tinvestiga r-rule of law fl-Ungerija.