Fi tmiem din il-ġimgħa qed issir is-17-il edizzjoni tal-maratona Oħloq Tbissima. Din il-maratona ta’ 60 siegħa qed tqajjem kuxjenza missjunarja, waqt li qed jinġabru fondi għall-missjonijiet immexxija mis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, fil-Perù, il-Pakistan, il-Filippini u anke f’Malta.
Patri Giovanni Cefai, li huwa missunarju fil-Perù, ftit tal-ġimgħat laħaq Isqof ta’ Prelatura. F’ dan ir-reġjun joqogħdu ‘l fuq minn 200,000 ruħ, fejn bżonnijiet bażiċi huma neqsin, b’żoni fejn laqqas hemm elettriku. Il-viżjoni tal-Isqof Cefai hi li jinbnew djar li huma adekwati għall-klima tal-post li fiho il-bżonnijiet bażiċi, tinbena Knisja, tinbena skola, tinbena u tinfetaħ skola u anke biex jinxtraw inġenji ħalli l-bdiewa jkunu jistgħu jaħdmu l-għelieqi. Dan kollu ma jistax iseħħ mingħajr il-ġenorożita’ tal-poplu li jifhem id-diffikultaijiet li jiffaċċjaw dawn in-nies jagħtu d-dinjita’ li jistħoqqilhom.
Il-benefatturi tal-maratona Oħloq Tbissima din is-sena huma primarjament, il-missjoni ġdida ġewwa Huancane’ u l-missjoni ġewwa l-Filippini fejn il-missjunarji jaħdmu ma’ ħafna familji fqar f’Manila, speċjalment f’Bataan, fejn Fr. Joe Cremona, jagħti l-opportunita’ lil ħafna tfal biex ikabbru t-talenti tagħhom u jibnu futur ibbażat fuq il-mużika.
Din is-sena wieħed jista’ jsib esebizzjoni minn numru ta’ artisti. Nhar il-Ħadd 21 ta’ Lulju ser isir irkant ta’ dawn il-pitturi bejn 6.00pm u 9.00pm, bil-fondi li jinġabru kollha sejrin b’risq din il-kawża ġusta. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ li jipparteċipa billi jżur id-Dar ta’ San Ġużepp f’Santa Venera sabiex iġawdi mill-attivita’ filwaqt li jagħti l-kontribut finanzjarju tiegħu.
Barra li wieħed jista’ jżur id-Dar ta’ San Ġużepp f’Santa Venera, wieħed jista’ jsegwi fuq l-istazzjon ONE.