Il-fazzjoni Busuttil għadha fil-ħin biex teħles mill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Kiteb dwar dan fuq The Times of Malta, Ivan Bartolo, eks kandidat nazzjonalista u membru tal-ezekuttiv, u esponent ewlieni tal-fazzjoni Busuttil, li ġabar mitejn firma ta’ kunsillier sabiex Adrian Delia jerfa r-responsbailita u jirrizenja wara li wassal lill-Partit Nazzjonalista għall-ikbar zewġ telfiet elettorali.
Bit-titlu – “We are still in time” – Ivan Barolo f’isem l-fazzjoni Busuttil, kiteb artiklu immirat għall-kunsilliera Nazzjonalisti. Bl-appell ikun wieħed li l-Partit Nazzjonalista għadu fil-ħin biex jeħles minn Adrian Delia bħala kap tal-partit.
Għaldaqstant, Bartolo saħaq li l-vot tas-sebgħa u għoxrin ta’ Lulju huwa vot importanti. Qal li f’għajnejn in-nies ta’ Delia qiegħed jidher bħala traditur għax ġabar il-firem sabiex jiġi sfiduċjat. Izda Bartolo, kiteb li hu ma setax jaċċetta li Delia wassal lill-partit nazzjonalista għall-ikbar telfa elettorali u għaldaqstant qal li ppospona l-holiday tas-sajf.
Raġuni oħra li waslitu biex isemma’ leħnu, kienet li ma felaħx l-istatus quo li nħoloq fil-Partit Nazzjonalista f’dawn l-aħħar għoxrin xahar, minn kemm ilu Delia fit-tmexxija tal-partit. Bartolo rrakkonta kif attenda żewġ laqgħat tal-eżekuttiv, laqgħa minnhom kellha x’taqsam mal-co option ta’ Cutajar għas-siġġu battal ta’ David Stellini.
F’din il-laqgħa, stajt nara d-diżorganizzazjoni li hemm fil-Partit Nazzjonalista, fejn il-valuri tar-rispett ma kinux għadhom jezistu fil-Partit Nazzjonalista, iddikjara Bartolo. Kompla jżied li d-diżorganizzazjoni fil-Partit Nazzjonalista wasslet sabiex ħadu disat ijiem biex isejħet il-laqgħa tal-ezekuttiv wara li tressqet il-petizzjoni.
Innota li din il-laqgħa ssejħet l-għada ġiet ippreżentata l-petizzjoni tal-fazzjoni Delia, b’firem sabiex Adrian Delia jibqa’ jmexxi l-Partit Nazzjonalista. Ivan Bartolo qal li ma setax jifhem għalxiex Adrian Delia dam sal-erbgħa ta’ Lulju biex isejjaħ il-kunsill ġenerali.
Kiteb li issa qiegħed iħares il quddiem lejn is-sebgħa u għoxrin ta’ Lulju, il-jum li fih se jittieħed il-vot importanti dwar il-futur ta’ Adrian Delia. “Għadna fil-ħin biex nagħmlu xi ħaġa dwar din is-sitwazzjoni. Għandna r-responsabilità u d-dover li nagħmlu xi ħaġa” temm jappella Bartolo lill-kunsilliera Nazzjonalisti.
Intant, matul il-jum tal-ġimgħa Ivan Bartolo beda jibgħat messaġġ lill-kunsilliera nazzjonalisti jgħidilhom sabiex jivvotaw le għall-mistoqsija jekk iridux lil Adrian Delia jibqa’ jmexxi lill-partit nazzjonalista.