Ħamsin sena ilu, fl-20 ta’ Lulju 1969, l-astronawti Neil Amstrong u Edwin Aldrin Jr kienu l-ewwel nies li rifsu fuq wiċċ il-qamar. Il-missjoni Appollo 11 kienet ħalliet wiċċ id-dinja lejn il-qamar, b’dawn iż-żewġ astronawti flimkien ma’ astronawta ieħor, Michael Collini, fis-16 ta’ Lulju 1969.
L-ekwipaġġ ta’ Apollo 11 ġab lura lejn id-dinja frammenti minn wiċċ il-qamar, b’erba’ minnhom ġew ippreżentati lill-poplu Malti mill-President Amerikan Richard Nixon. Dawn qegħdin ikunu esebiti b’mod permanenti fil-Mużew tan-Natura t’Għawdex, fir-Rabat Għawdex. F’din l-esebizzjoni hemm bandiera żgħira Maltija li ttieħdet fuq il-qamar u nġabet lura mill-istess ekwipaġġ, li qed takkompanja l-frammenti.
Għal dan l-anniversarju, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku biex iżur dawn il-frammenti tal-qamar propju fil-ġurnata tal-50 anniversarju.
Biljett għall-adulti li jiswa €5, €3.50 għall-anzjani u studenti, u €2.50 għat-tfal minn 6 sa 11 il-sena, jagħti aċċess għall-erbgħa siti ta’ Heritage Malta li jinsabu fiċ-Ċittadella li huma d-dar storika tal-Gran Castello, il-Mużew tal-Arkeoloġija t’Għawdex, il-Ħabs l-Antik u l-Mużew tan-Natura t’Għawdex. B’dan il-biljett jingħata wkoll aċċess għaċ-Ċentru tal-Viżitaturi fiċ-Ċittadella.
Dawk li għandhom il-Passaport tal-Istudenti ta’ Heritage Malta huma mfakkra li l-istudenti u żewġ adulti li jakkumpanjawhom jidħlu b’xejn fis-siti kollha. L-istess għal dawk l-anzjani li għandhom il-Passaport tal-Kbar ta’ Heritage Malta u dawn jistgħu jagħżlu li jieħdu wkoll żewġ żgħażagħ magħhom.
Il-ħin tal-ftuħ huwa mit-Tnejn sal-Ħadd, bejn id-9 ta’ filgħodu u l-5 ta’ wara nofsinhar, bl-aħħar dħul ikun fl-4.30pm.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku: www.heritagemalta.org.