L-Istitut Malti għall-Istudji Turistiċi fetaħ uffiċjalment il-kors f’livell ta’ Masters fl-Immaniġjar tal-Ospitalità Internazzjonali.
Dan il-kors li se jsir f’kollaborazzjoni mal-Emirates Academy of Hospitality Management huwa mqassam fuq sena u nofs u se jiffoka fuq diversi aspetti li jmissu mas-settur turistiku fosthom dwar kif jiġu organizzati attivitajiet, kif jaħdmu l-lukandi u l-etika fid-dinja tan-negozju.
Iċ-Chairman tal-ITS Carlo Micallef spjega li l-għan tal-Istitut huwa li jkompli jħarreġ aktar nies fis-settur turistiku sabiex it- turist ikun jista’ jgawdi minn servizz aħjar li jwassal għal esperjenza isbaħ f’pajjiżna.
Iċ-Chairman qal li l-ITS għaddej b’ħidma sabiex joħloq spazju li jintuża bħala dormitorju għal studenti barranin li jiġu jistudjaw f’dan l-istitut.
“Dan il-kors tal-MBA li se jkun offrut kemm part time kif ukoll full time, huwa miftuħ kemm għal dawk li għandhom il-kwalifiċi akkademiċi kif ukoll għal dawk li għandhom esperjenza fl-industrija, li jkollhom 10 snin esperjenza f’ċertu livell li jistgħu jidħlu għal dan il-kors biex jiksbu t-tagħrif fl-edukazzjoni u l-kwalifika neċessarja”
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi spjega li l-għan tal-Gvern huwa li jkompli jtejjeb is-servizzi tal-ospitalità offruti f’pajjiżna sabiex jiġu attirati aktar turisti ta’ kwalità li jħallu aktar flus.
It-turiżmu jrid jikber b’mod sostenibbli. Issa l-pass li jmiss hu li fis-sitt snin li ġejjin nattiraw f’pajjiżna turisti li jonfqu aktar milli flus. Biex dan iseħħ għandna viżjoni għall02025 li hija bbażata fuq ir-rottot, niċeċ ġodda ta’ marketing u anki business traveller. Naħdmu wkoll fuq il-prodott, events u enforcements. Fl-aħħar nett li jkollna ħaddiema li joffru servizz tajjeb.”
Il-Ministru Mizzi spjega wkoll li bħalissa l-ITS qed tħarreġ numru ta’ ħaddiema barranin fit-turiżmu sabiex is-servizzi tal-ospitalità f’pajjiżna jkomplu jikbru u jissaħħu.
Huwa qal ukoll li l-Gvern qed jaħdem sabiex jibdew jissaħħu aktar swieq ta’ turiżmu minn barra l-Ewropa fosthom mill-Istati Uniti u l-kontinent Ażjatiku.
“Iva naħseb li s-settur tat-turiżmu qed jiddeversifika ruħu. Naħseb din is-sena kabbarna ħafna t-turiżmu mill-US mill-Ġappun u mis-South Korea. Biex nagħti eżempju, is-South Korea għamilna promotion campaign fejn flimkien mal-Marketing tal-Malta Tourism Authority ġibna ġurnalisti minn dan il-pajjż f’Malta. F’temp qasir minn 2000 turist tlajna għal 10,000 turist mill-Korea t’Isfel. Dawn huma turisti li qed jonfqu aktar flus li qed narawhom fit-trejjeq tal-Belt, fil-villaġi turistiċi tagħna u anki fil-villaġġi li forsi mhux magħrufin għat-turiżmu imma qed joffru esperjenza sabiħa għalihom ukoll.”