Bejn it-8 u l-11 t’Awwissu li ġej, għat-18-il sena se jkun qed jittelgħa Delicata Classic Wine Festival. Dan l-avveniment se jkun qed jittelgħa minn Delicata Winery fil-Ġonna tal-Barraka ta’ Fuq, bejn is-7 ta’ filgħaxija u nofsillejl.
Matul dan l-avveniment se jkun hemm iktar minn 20 tip ta’ inbid differenti x’wieħed jista’ jduq. Fost dawn l-inbejjed hemm il-Frizzante li huma nbejjed semi-sparkling magħmulin mill-għeneb indiġeni tal-Girgentina u tal-Ġellewża. Ikun hemm ukoll għażla ta’ nbejjed boutique ta’ D.O.K. Malta Medina u D.O.K. Gozo Victoria Heights, kif ukoll l-inbejjed preġjati bħal Gran Cavalier u l-Grand Vin de Hauteville. Se jkun hemm l-inbejjed Dolcino u The Falcon, l-inbid popolari Casella Moscato u varjetajiet oħra mill-Classic Collection kif ukoll it-tlett inbejjed differenti ta’ Pjazza Reġina, u l-SpritZZers li huma ready-mixed wine coolers.
Id-dħul għal dan l-avvenment huwa b’xejn. Iżda sabiex wieħed iduq l-inbejjed irid iħallas €16 għal borża b’24 munita (wine coins), kif ukoll tazza tal-inbid ċelebrattiva. Dawn il-muniti mbagħad jissarfu fil-bankarelli differenti fejn stewards iferrgħu l-inbid fit-tazza ċelebrattiva tal-festival li tesa’ 15-il millilitru.
Kull filgħaxija se jkun hemm żewġ kunċerti live, minn uħud mill-aqwa bands ta’ Malta, bħalma huma Airport Impressions u The Crowns.
Bankarelli bl-ikel u tisjir li jsir dak il-ħin stess se jservu varjetà ta’ platti kemm dawk tradizzjonali Maltin, kif ukoll minn kċejjen internazzjonali, għall-gosti ta’ firxa wiesgħa ta’ nies.
Il-boroż bil-muniti u t-tazez tal-inbid jibqgħu jinbiegħu sal-11.00pm, biex l-aħħar tal-inbejjed jitferraw sal-11.30pm. Il-viżitaturi huma mfakkra biex igawdu l-festival b’mod responsabbli u u qatt ma jixorbu jekk se jsuqu.
Il-faċilità konvenjenti ta’ ħlas onlajn tista’ ssir minn fuq il-website ta’ Delicata www.delicata.com. B’hekk wieħed jiffranka l-ħin milli jistenna fil-kju peress li jkun jista’ jiġbor il-muniti tal-inbid u t-tazza malajr.
Il-festival ta’ din is-sena jaspira ukoll li jrodd xi ħaġa lura għal kawża tajba. Meta wieħed juża’ l-faċilità ta’ ħlas onlajn, ikun jista’ jagħmel donazzjoni b’risq il-preservazzjoni ta’ fkieren tal-baħar li huma fil-periklu li jkunu estinti mid-dinja. Nature Trust Malta hi l-benefiċjarja tal-inizjattiva ta’ Delicata for Good. Kull min jagħmel donazzjoni jidħol b’ċans li jirbaħ magnum doppju tal-inbid rebbieħ Gran Cavalier Syrah ta’ Delicata.
Delicata Classic Wine Festival hu l-vetrina tal-inbejjed eċċellenti ta’ Malta. L-atmosfera ferrieħija, il-veduti meraviljużi tal-post, dik tal-Port il-Kbir u tat-tlett ibliet, żgur li jagħmlu ż-żjara ta’ kulħadd tassew memorabbli.
B’inbejjed mill-aqwa, ikel delizzjuż u mużika live, il-weekend tal-festival tal-inbid hu wieħed li m’għandux jintitlef.